Lokali

Il-PN jikkundanna l-gideb u l-qerq fil-konfront ta’ Karol Aquilina

Id-Deputat Nazzjonalista jiċħad kategorikament l-allegazzjonijiet

Il-Partit Nazzjonalista jikkundanna l-gideb u l-qerq ta’ Karl Stagno Navarra fil-konfront tal-Membru Parlamentari Karol Aquilina.

Il-Partit Nazzjonalista sostna li huwa kburi li l-Membri Parlamentari, inkluż Karol Aquilina, jiġġieldu l-korruzzjoni li ħakmet lil Malta u l-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna u jwissi li l-manuvri bejn uffiċjali għolja u nies fil-Partit Laburista m’humiex se jwaqqfuna mill-ġlieda tagħna għas-sewwa.

Il-Partit Nazzjonalista saħaq li se jibqa’ jaħdem biex din il-logħba maħmuġa tinkixef kollha u  imbagħad min ħoloqha u kellu sehem fiha jkollu jirrispondi għal għemilu.

Sadanittant inwissu lill-Prim Ministru u lil sħabu li ħadd mhu se jagħlaq ħalq il-Partit Nazzjonalista u d-Deputati tiegħu fil-ġlieda tagħhom kontra l-korruzzjoni.

“Niċħad li ksirt regolament tat-traffiku jew ipperikolajt ħajjet Pulizija”

Fi stqarrija separata, id-Deputat Nazzjonalista Karol Aquilina ċaħad bl-iktar mod kategoriku l-allegazzjonijiet ta’ Karl Stagno Navarra fil-konfront tiegħu. B’mod partikolari:

  1. Ċaħad li jiena m’obdiex l-ordnijiet leġittimi tal-Pulizija.
  2. Ċaħad li kiser xi regolament tat-traffiku. Dan l-għaliex huwa spjega li fil-filmat jidhru żewġ uffiċjali ta’ Transport Malta jagħmlu sinjal lis-sewwieqa kollha biex il-vetturi jibqgħu għaddejjin bħal ma jseħħ regolarment filgħodu fi Triq Diċembru Tlettax.
  3. Ċaħad li b’xi mod ipperikola ħajjet Pulizija. Karol Aquilina saħaq li l-filmat juri b’mod ċar li huwa saq skont il-liġi u kull meta qaleb minn karreġġjata għal oħra għamel dan wara li xgħel l-indicator u saq b’mod prudenti.
  4. Ċaħad ukoll li f’xi ħin invoka xi privileġġ parlamentari favur tiegħu.

“L-ebda diffikultà sabiex l-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika jinvestiga l-allegazzjonijiet”

Karol Aquilina ddikjara li m’għandu assolutament l-ebda diffikultà li l-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika jinvestiga l-allegazzjonijiet ta’ Karl Stagno Navarra.

“Jiena diġà tlabt laqgħa mal-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika biex inwieġeb għal kull mistoqsija li jista’ jkollu u sabiex nagħtih kwalunkwe spjegazzjoni li tista’ tkun meħtieġa.”

Id-Deputat Nazzjonalista saħaq li dak li qed jagħmel Karl Stagno Navarra qed isir bil-barka tal-Prim Ministru Robert Abela u bil-kompliċità ta’ uffiċjal għoli ħafna tal-Korp tal-Pulizija, fejn saħaq li dan tal-aħħar qed jipprova jirrikattah biex ma jkomplix jitkellem dwar il-korruzzjoni tal-ħbieb tiegħu Keith Schembri, Joseph Muscat u Konrad Mizzi.

Karol Aquilina insista li l-attakk ta’ Karl Stagno Navarra beda nhar il-Ġimgħa 15 ta’ Mejju 2020, immedjatament wara li huwa: 

  1. Saħaq li tiġi ippubblikata l-ittra tar-riżenja ta’ Joseph Muscat minn Prim Ministru;
  2. Talab li l-Ministri u s-Segretarji Parlamentari jirrifondu l-mijiet ta’ eluf ta’ ewro li serqu f’reklami fuq il-mezzi soċjali; u
  3. Ippubblika l-kuntratt tal-eks Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar bħala konsulent tal-Ministru responsabbli mill-Pulizija Byron Camilleri.