Lokali

“Se jkun biss il-poplu li jsofri l-konsegwenzi tad-deċiżjonijiet li Abela qed jieħu f’pika ma’ Fearne”

"Prim Ministru li jrid jgawdi s-sajf u jimmina s-sagrifiċċji ta’ min obda d-direttivi tal-awtoritajiet tas-saħħa"

“Robert Abela qed jieħu deċiżjonijiet irresponsabbli fil-pika li għandu ma’ Chris Fearne meta m’għandniex il-komfort li għandna l-infrastruttura tas-saħħa lesta u ppreparata għal jekk u meta tiġi t-tieni mewġa tal-virus,” qal Adrian Delia. “Robert Abela iktar moħħu biex joħroġ bid-dgħajsa fis-sajf meta mhux jagħti l-komfort li pajjiżna huwa attrezzat biżżejjed għas-serħan tal-moħħ tan-nies.”

Waqt intervist li saret fuq NET Television, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li kellna lil Joseph Muscat li kien l-iżjed Prim Ministru korrott u issa għandna lil Robert Abela li huwa l-iktar Prim Ministru immatur u mhux ippreparat, li qed jieħu d-deċiżjonijiet fil-pika li għandu ma’ Chris Fearne, meta jghid li l-Ministru għas-Saħħa flimkien mas-Supretendent tas-Saħħa Charmaine Gauci jridu jbeżżgħu lin-nies.

Hu żied jgħid li Robert Abela qed jibqa’ jgħid bil-kontra ta’ Chris Fearne u Charmaine Gauci, meta bil-ftit riżorsi li kellhom qegħdin jiksbu riżultati tajbin u qed jimmina s-sagrifiċċji kbar tan-nies li qegħdin jobdu d-direttivi mogħtija mill-Awtoritajiet tas-Saħħa.

Dr Delia qal li f’dan il-mument kruċjali u meta Robert Abela se jnaqqas ir-restrizzjonijiet, għad m’għandniex il-komfort li hawn biżżejjed ventilators, u d-900 sodda li ġew imwegħda minn Steward baqgħu ma sarux. Huwa qal li Partit Nazzjonalista fil-Gvern, id-€90 miljun fis-sena jew €260 miljun li sal-lum tajna lil Steward konna ninvestuhom lura fis-settur tas-saħħa u fit-talent tal-ħaddiema kollha tagħna f’dan is-settur, u mhux narmuhom jew nużawhom għall-korruzzjoni kif għamel il-Gvern.

Adrian Delia qal li fl-ekonomija, l-Gvern jinsab nieqes mill-viżjoni u qed ikun reattiv u selettiv u mhux juri f’liema setturi se ninvestu biex naraw li jrendu. Minflok il-Gvern għandu Ministri li qed jaħtfu l-flus tan-nies għall-gwadann personali tagħhom fi propaganda fuq il-mezzi soċjali.

Huwa qal li l-Gvern huwa nieqes mill-ideat għal wara l-COVID-19 u nieqes mill-viżjoni politika meta qed jonqos li joħloq setturi ġodda u jattira l-investimenti minn barra. Kien kapaċi biss li jġib ħafna ħaddiema barranin u jkabbar l-ekonomija bil-popolazzjoni u għabba l-infrastruttura ta’ pajjiżna. Fakkar li l-PN jemmen fl-investment f’setturi li jkunu knowledge based, f’iżjed riċerka fl-R&D, fil-manifattura u fil-kapital intelletwali.

Dr Delia qal li n-nuqqas ta’ pjan tal-Gvern qed tidher ukoll f’setturi oħrajn bħall-iżvilupp, l-ħarsien tal-irħula u l-wirt tagħna. Dan meta l-Oppożizzjoni ta’ kuljum qed tiltaqa’ mas-settur kollha tas-soċjetà fosthom ukoll in-negozji ż-żgħa fejn nisimgħu l-ħtiġijiet tagħhom biex flimkien insibu s-soluzzjonijiet sabiex insalvaw in-negozji u l-impjieg tal-ħaddiema tagħhom, filwaqt li nuru fejn irridu li nieħdu lil pajjiżna wara l-imxija tal-virus.

Adrian Delia qal li f’settur tant importanti bħall-edukazzjoni, l-Gvern ma kkonsultax mal-istakeholders kollha u għamel think thank bla għan u bla konklużjoni. Minflok il-PN wera maturità u responsabbiltà politika u ġab lil kulħadd madwar il-mejda f’Konferenza Nazzjonali dwar l-edukazzjoni wara l-pandemija tal-COVID-19, biex flimkien naraw x’inhuma d-diffikultajiet tal-lum biex nippjanaw l-iskejjel ta’ għada.

Mistoqsi dwar ir-riforma Kostituzzjonali, l-Kap tal-PN qal li l-Gvern ħareġ il-proposti tiegħu mingħajr ma nforma lill-President, li qed imexxi l-forum dwar it-tibdil Kostituzzjonali. Il-Gvern qabeż lil kulħadd u bl-attitudni ħażina mhux jibgħat is-sinjal it-tajjeb lill-istituzzjonijiet internazzjonali u Ewropej li qed josservawna li l-affarijiet qed isiru b’mod differenti minn qabel. Huwa qal li l-Oppożizzjoni se tippubblika l-prosposti tagħha għal konsultazzjoni pubblika biex kulħadd ikun parteċipi biex il-Kostituzzjoni tkun tan-nies, għax hija l-qafas tal-liġi li tipproteġi liċ-ċittadini mill-Gvern. Dan meta l-Gvernijiet ta’ Joseph Muscat u Robert Abela ħatfu l-istituzzjonijiet biex jużawhom kontra ċ-ċittadini stess.

Adrian Delia qal li jrid ikollna riforma Kostituzzjonali b’saħħitha biex il-Gvern ma jaħtafx iżjed l-istituzzjonijiet u qatt iktar ma jkollna fejn min jitkellem jinqatel, riforma bil-paretċipazzjoni ta’ kulħadd biex ikollna Kostituzzjoni li verament tħares liċ-ċittadini tagħna.