Lokali

Il-Pulizija tkompli bil-kontrolli tagħha kontra s-sewqan abbużiv

Jinħarġu 109 multi hekk kif il-Pulizija reġgħet tul il-ġurnata tal-Ħadd wettqet il-kontrolli u s-sorveljanza tagħha kontra s-sewqan abbużiv.

Mit-total ta’ 109, irriżulta li 79 minnhom kienu għal sewqan eċċessiv.

Fost il-multi li tweħħlu, kien hemm BMW illi fit-triq Kennedy drive laħqet il-128 kilometru fis-siegħa f’żona ta’ 70 kilometru fis-siegħa. Dan apparti 20 taħrika oħra għal sewqan eċċessiv f’din l-istess triq.

Il-Pulizija wettqet ukoll kontrolli u spezzjonijiet fi Triq Bormla, iż-Żejtun bit-total tal-multi jilħaq 26. Hawnhekk ingħatat taħrika lil sewwieq ta’ BMW li kien qed isuq b’101 kilometru fis-segħu fost oħrajn li kienu għaddejjin b’veloċita’ eċċessiva f’żona ta’ 50 kilometru fis-siegħa

Fi Triq Louis Wettinger, il-Mellieħa nħarġet 32 taħrika għal sewqan eċċessiv, bl-ogħla veloċita’ tkun dik ta’ Kawasaki b’110 kilometru fis-siegħa f’żona ta’ 60 kilometru fis-siegħa.

Ingħataw ukoll 30 kontravenzjoni għal irregolaritajiet oħra fosthom vetturi mingħajr numru tar-reġistrazzjoni, twieqi tinted, u sewqan bla linċenzja fost oħrajn.

Waqt l-operazzjonijiet tal-Pulizija saret ukoll tfittxija f’vettura tat-tip Mercedes u x-xufier instab fil-pussess ta’ sustanza suspettata kannabis. Il-Pulizija għaddejja bl-investigazzjonijiet tagħha f’dan il-każ.