Lokali

INAĊĊETTABBLI: Il-Maltin qed iħallsu l-ogħla prezzijiet għall-petrol u d-diesel

“Hu fil-veru sens tal-kelma inaċċettabbli kif il-Gvern ta’ Robert Abela jibqa’ jwebbes rasu u jżomm l-ogħla prezzijiet tal-petrol u d-diesel għas-sewwieqa Maltin u Għawdxin.

“Propju anki f’dawn il-ġimgħat ta’ kriżi meta kull pajjiż intlaqat bil-pandemija COVID-19, u meta kull pajjiż raħħas il-prezzijiet tal-petrol u d-diesel, il-Gvern ta’ Robert Abela baqa’ jwebbes rasu u ma raħħasx il-prezzijiet ta’ dawn il-prodotti tant importanti.”

Din id-dikjarazzjoni għamilha ma’ il-mument Ryan Callus, il-Kelliem tal-Partit Nazzjonalista għall-Enerġija, l-Immaniġġjar u l-Konservazzjoni tal-Ilma, u fakkar li fil-leġiżlatura li għaddiet, ta’ spiss kien jikkritika t-tmexxija ta’ Joseph Muscat li, minkejja li l-prezz internazzjonali taż-żejt kien qed jonqos b’mod drastiku l-prezz tal-petrol u d-diesel f’Malta xorta baqa’ għoli.

“Niftakar li konna ħloqna sit elettroniku fejn kull wieħed minna stajna naraw kemm konna qed ninsterqu kull darba li konna mmorru l-pompa tal-petrol.”

Hu qal li issa, ħames snin wara, erġajna ġejna fl-istess sitwazzjoni. “Anzi, ngħid agħar, għax issa d-dħul tal-maġġoranza tal-familji u n-negozji Maltin u Għawdxin naqas, u naqas drastikament minħabba l-pandemija tal-COVID-19. Jiġifieri mhux talli l-ħaddiema marru agħar għax qed idaħħlu inqas flus fil-but, imma talli qed ikollhom iħallsu l-ogħla prezzijiet tal-petrol u d-diesel fl-Ewropa.

“Hija ironija kbira allura li meta Joseph Muscat niżżel in-nies fit-toroq fl-2011, il-prezz taż-żejt kien ħames u sitt darbiet iktar minn dak li hu llum.

Mhux ta’ b’xejn tant ftaħar bis-slogan: ‘Kontinwità’ Robert Abela. Għax fejn jidħol is-serq mill-poplu Malti u Għawdxi, kollox baqa’ l-istess. Fuq din, Robert Abela żamm kelmtu tabilħaqq.”

Mistoqsi kif il-prezz tal-petrol u d-diesel f’Malta jikkumpara mal-aqwa pajjiżi fl-Ewropa, Ryan Callus fisser li jkun hemm min jgħid:  Imma intom dejjem l-istess kantaliena? “Forsi veru, ta’ spiss nirrepetu l-argumenti, iżda meta tara li l-familji Maltin u Għawdxin jinsterqu, ma niddejqu xejn nirrepetu. Joseph Mucat wegħdna l-aqwa fl-Ewropa – mela xieraq nikkumparaw mal-aqwa. Il-petrol jinbiegħ l-inqas bħalissa fl-Ungerija, €0.82 kull litru, filwaqt li f’Malta jinbiegħ €1.41. Id-diesel jinbiegħ l-anqas fil-Lussemburgu b’€0.83 kull litru, meta Malta jibiegħ €1.28.

“Mela, ejja nieħdu eżempju bażika. Tmur il-pompa tal-petrol u tagħtiha €20 petrol. Tkun qed tieħu 14.2 litri ta’ petrol. Imma Ungeriż li jmur jieħu 14.2 litru petrol, mhux €20 iħallas, imma €11.63. Jiġifieri kważi n-nofs! Jekk dan mhux serq, xi jkun serq?

“U l-Ungerija hu biss eżempju wieħed – tista’ tieħu liema pajjiż trid fl-UE kollha għaliex kollha – nirrepeti kollha – għandhom prezzijiet irħas minn tagħna.”

Mistoqsi kemm hu ġust li nikkumparaw biss il-prezzijiet mingħajr ma nżommu f’moħħna l-pagi differenti f’pajjiżi differenti, Ryan Callus wieġeb li din hi mistoqsija importanti għaliex turi d-differenza vera fil-prezzijiet.

“Meta ngħidu li d-diesel jinbiegħ l-anqas fil-Lussemburgu b’€0.83 kull litru, meta Malta jibiegħ €1.28, hija diġà xokkanti fiha nnifisha. Mhux talli qed inħallsu €0.45 iktar għal kull litru, iżda meta tikkunsidra li l-pagi fil-Lussemburgu huma d-doppju u t-tripplu kkumparat mal-pagi Maltin, l-impatt fuq il-familji tagħna huwa ħafna ikbar.”

Mistoqsi liema pajjiżi raħħsu l-prezzijiet tal-fuels minn mindu bdiet il-pandemija, u kemm hu importanti li dan isir iktar f’dan iż-żmien ta’ diffikultà finanzjarja, Ryan Callus qal li l-pajjiżi kollha barra Malta.

“Matul l-aħħar xahrejn rajna d-dinja kollha milquta bil-pandemija tal-COVID-19. Fabbriki għalqu l-bibien, negozji keċċew l-impjegati, l-iskejjel ingħalqu, nies mardu u saħansitra mietu. Kellna minn kollox. U effett wieħed ta’ dan kollu kien li l-prezz internazzjonali taż-żejt niżel f’rekord li qatt ma rajna bħalu.

“Saħansitra, darba minnhom niżel taħt iż-€0. F’din is-sitwazzjoni qegħdin! U f’Malta, l-prezz tal-petrol u d-diesel lanqas ċenteżmu ma raħas. F’din ukoll, pajjiżna għandu rekord: l-uniku pajjiż tal-UE li kemm ilha li bdiet l-imxija tal-COVID-19, ma raħħasx il-prezzijiet tal-fuel.”

Mistoqsi dwar il-propost tal-Oppozizzjoni, Ryan Callus qal li: “Jien ma ridtx nibqa’ nikkritika biss, u għalhekk din il-ġimgħa, f’isem l-Oppożizzjoni spjegajt kif, skont il-kalkoli tagħna, il-prezz tal-petrol u d-diesel għandu jorħos bi 30ċ għal kull litru, biex b’hekk, il-prezz tal-petrol jiġi €1.11 u l-prezz tad-diesel ikun €0.98. Dawn il-kalkoli jirriflettu kif niżel il-prezz internazzjonali taż-żejt, u rajna wkoll x’sar u kif sar f’pajjiżi oħra.”

Hu kompla li hekk, bil-proposta tal-Partit Nazzjonalsita, biex tmur tieħu 14.2 litri ta’ petrol, flok €20 tħallas €15.76, u l-kumplament tkun tista’ tużahom għand tal-grocer jew is-supermarket biex tixtri l-ikel għall-familja.

Iġifieri, meta tmur fil-pompa biex timla t-tank tal-karozza tiegħek bid-diesel, li fih madwar 50 litru, bħalissa bil-politika tal-Gvern Laburista tħallas €70.5. Bil-proposta tal-Partit Nazzjonalista, bil-prezz tad-diesel €1.11kull litru, tħallas €55.5. Dan ifisser li kull darba li timla’ t-tank tiegħek, tiffranka €15, li tista’ tużahom għal użu ieħor għall-bżonnijiet tal-familja tiegħek.

“Imma le, ma’ dan il-Gvern se tibqa’ tħallas bil-għoli. Se tibqa’ tinsteraq. Se tibqa’ tmur il-pompa tal-petrol u ma’ kull ewro li toħroġ, tibda tistaqsi kemm qed tinsteraq minnu. Ħasra. Imma jidher li fuq din, Joseph Muscat u Robert Abela ftehmu. Li jkunu l-aqwa fl-Ewropa. Anzi, jkunu l-ewwel fl-Ewropa. L-ewwel fil-lista tal-ogħla prezzijiet tal-petrol u d-diesel. Kif jingħad bl-Ingliż, some things never change,”  temm Ryan Callus.