Internazzjonali

Iżrael: Netanyahu jippreżenta l-Gvern ġdid għall-għaqda lill-Parlament

epa05552159 Prime Minister of Israel Benjamin Netanyahu speaks during the General Debate of the 71st Session of the United Nations General Assembly at UN headquarters in New York, New York, USA, 22 September 2016. EPA/JUSTIN LANE

Il-Prim Ministru Iżraeljan, Benjamin Netanyahu ippreżenta lill-Gvern ġdid għall-Għaqda lill-Parlament biex ikkonkluda aktar minn sena ta’ staġnar politiku. Il-pass ittieħed meta Netanyahu qed iħejji biex, fil-jiem li ġejjin, jiddefendi ruħu l-qorti quddiem allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni.

Il-ftehim għall-qsim ta’ poter ma’ Benny Gantz, rivali politiku li jmexxi lill-Partit tal-Blu u Abjad (tal-lemin), iwitti t-triq biex Netanyahu jipproċedi lejn sitwazzjoni fejn jista’ jgħaqqad partijiet tax-Xatt tal-Punent okkupat ma’ Iżrael.

Il-pjan għandu jipproċedi skont il-wiegħda inizjali u meta l-Palestinjani qed jinsistu biex ix-Xatt tal-Punent jifforma parti minn Stat tal-Palestina tal-futur.

Skont il-ftehim li laħaq ma’ Gantz (wara tliet elezzjonijiet ġenerali inkonklussivi), Netanyahu għandu jkompli bħala Prim Ministru Iżraeljan għal 18-il xahar. Ladarba jgħaddi t-terminu, Netanyahu jgħaddi r-riedni lil Gantz, eks kap tal-qawwiet armati Iżraeljani u li għalissa se jkun il-Ministru Iżraeljan responsabbli mid-Difiża.

Meta kellem lill-Parlament Iżraeljan, Netanyahu qal li ‘in-nies riedu l-għaqda u minn issa ‘il quddiem, huma jistgħu jserrħu rashom dwar dan’. Dan meta fl-aħħar ġimgħat spikkat ir-rieda li l-Iżraeljani jevitaw raba’ elezzjoni wara t-tliet elezzjonijiet inkonklussivi li saru minn April tal-2019, ‘il hawn.

Benjamin Netanyahu, li għandu 70 sena, hu l-aktar mexxej Iżraeljan li qatt dam fil-poter mindu laħaq Prim Ministru għall-ewwel darba fl-1996. Il-Kabinett ġdid tiegħu, magħmul minn 36 Ministri, hu l-akbar fl-istorja ta’ Iżrael.

Fl-24 ta’ Mejju, Netanyahu irid iwieġeb fil-qorti għal akkużi ta’ tixħim, frodi u abbuż tar-responsabbiltà fdata lilu – u meta hu qiegħed jiċħad għal kollox.