Sport Sport Ieħor

Jake Vella rebbieħ tal-Atlas Atleta Żagħżugħ tax-Xahar għal April

(Ritratt: Atlasinsurance.com)

L-atleta żgħażugħ Jake Vella rebaħ l-unur tal-Atlas Atleta Żagħżugħ tax-Xahar għax-xahar ta’ April. Jake Vella li għaddej minn battalja kontra kundizzjoni rari ma ħalla xejn milli jwaqqfu li jkompli jippratika l-isport u anke f’dan iż-żmien tal-pandemija tal-coronavirus, Vella baqa’ għaddej bit-taħriġ tiegħu mid-dar b’numru ta’ eserċiżżji mħejjija mill-kowċis tiegħu Fabio Spiteri, Marthese Fava u Gail Rizzo.

Minħabba l-kundizzjoni tiegħu, Vella kien mħeġġeg li kemm jista’ jkun jibqa’ d-dar u kellu jbiddel xi ftit l-iskeda tat-taħriġ tiegħu. Tul ix-xahar ta’ April Jake Vella serva ta’ ispirazzjoni għal numru ta’ atleti żgħażagħ għaliex permezz tal-midja soċjali hu qasam filmat waqt li jagħmel numru ta’ eserċizzji fiżiċi.

Dan kien ir-raba’ unur li ngħata lil atleti żgħażagħ sa minn meta ġie mniedi b’inizjattiva minn Atlas Insurance u l-Għaqda Ġurnalisti Sport. Minkejja li ninsabu f’mument diffiċli minħabba l-pandemija tal-coronavirus iż-żewġ għaqdiet ftehmu li jkompla jagħtu dan l-unur. Dan l-unru kien preżentat lil Jake Vella minn Robert Micallef Chief Commercial Officer ta’ Atlas Insurance, Lorraine Cunningham Segretarju Ġenerali tal-Għaqda Ġurnalisti Sport u wieħed mill-kowċi ta’ Vella Fabio Spiteri.