Lokali

Jimxu mal-appelli tal-awtoritajiet tas-saħħa

It-temperatura f’pajjiżna kompliet tiżdied u dan wassal li n-nies joħorġu għax-xemx… iżda kollha żammew mat-talbiet tal-Awtoritajiet tas-Saħħa.

Diversi persuni ddeċiedew li joħorġu għal passiġġata jew imorru fuq bajja u kollha dehru li qed iżommu d-distanza mitluba ta’ żewġ metri. Dan filwaqt li kull grupp ma kienx ikbar minn erba’ persuni.

Fejn jidħlu l-ħwienet tal-ikel, jidher ukoll li r-regolamenti qed jinżammu tant li fejn kien hemm il-kju, id-distanza nżammet ukoll, bin-nies jintalbu jilbsu l-maskri qabel jidħlu ġewwa.

F’diversi postijiet kienu nnutati wkoll għadd ta’ pulizija li kienu qed iduru u jaraw li n-nies qed isegwu l-avviż legali maħruġ mis-Suprintendent tas-Saħħa Pubblika, dik li jgħid li kull persuna li tkun fi grupp ta’ aktar minn erbgħa jingħataw multa ta’ €100.

Intant, numru ta’ pulizija wettqu l-kontrolli fit-toroq ta’ Malta u Għawdex. Dan wassal biex inħarġu total ta’ 109 multa, b’79 minnhom ikunu għal sewqan eċċessiv.