Lokali

Jinħema ċaqlieq importanti fil-Ministeru tal-Affarijiet Barranin … li jaf idarras lil numru ta’ diplomatiċi

Fil-jiem li għaddew kien intensifikat programm ta’ ċaqlieq li se jidħol fis-seħħ fost diplomatiċi li jservu f’isem il-Gvern Malti fil-Ministeru tal-Affarijiet Barranin u Ewropej hekk kif issa hu mmexxi minn Evarist Bartolo.

Hu sigriet magħruf li wara eżerċizzju ta’ stock-take tas-sitwazzjoni fil-Ministeru tal-Affarijiet Barranin, il-Ministru Evarist Bartolo xejn ma kien kuntent b’ċerti postings li fil-verità saru biss fuq linji ta’ abbinament politiku u mhux fuq abbinament ta’ sustanza u altezza.

Hu sigriet magħruf li fis-snin li għaddew fil-Ministeru tal-Affarjiet Barranin saru ħatriet ta’ Ambaxxaturi u Rappreżentanti Għolja oħrajn strettament fuq bażi ta’ grazzi mill-Gvern talli tali persuni għenu lill-Partit Laburista jkun fil-Gvern.

Ċerti persuni f’din il-faxxa ta’ diplomatiċi la għandhom esperjenza ta’ diplomazija u anqas għarfien ta’ kif imorru l-affarijijet fi ċrieki internazzjonali ta’ diplomazija.

Dak li ġara l-ġimgħa l-oħra minn dak li kien l-Ambaxxatur għall-Fillandja ħammar wiċċ Malta bil-kbir u kompla jaċċellera l-programm ta’ tibdiliet ferm meħtieġa fi ħdan il-Korp Diplomatiku Malti.

Nhar il-Ħadd li għadda l-Eks Ambaxxatur Michael Zammit Tabona qabbel lill-Kanċillier Ġermaniża Angela Merkel mad-dittatur Adolf Hitler. Fuq il-media soċjali ddikjara: “75 years ago we stopped Hitler. Who will stop Angela Merkel? She has fulfilled Hitlers dream! To control Europe.”

Dawn il-kumment imbarazzanti qanqlu diversi reazzjonijiet ta’ kundanna bil-Ministru Evarist Bartolo jkun kostrett jgħid li l-Gvern Malti se jitlob apoloġija lill-Gvern Ġermaniż.

Tali inċident kompla jħeġġeġ lill-Ministru Evarist Bartolo biex flimkien ma’ dawk viċin tiegħu fil-jiem li għaddew komplew jiffinalizzaw għadd ta’ ċaqlieq fost id-diplomatiċi Maltin li jservu lil hinn minn xtutna u fost l-ewwel li jidher li se jdabbarha hemm Joseph Cuschieri li kien iservi bħala Ambaxxaturt għall-Italja.

Sorsi infurmati fil-Ministeru tal-Affarijiet Barranin, qalu lil il-mument li fil-fatt Joseph Cuschieri kien diġà infurmat b’mod uffiċjali li b’mod immedjat se tintemm il-kariga tiegħu lejn Ruma u hekk għandu jirritorna lejn Malta.

Nifhmu li post Joseph Cuschieri se jingħata lill-Brigadier Carmel Vassallo li għandu kredenzjali ferm aktar ogħla kemm minħabba l-esperjenza tiegħu fl-Armata Maltija u anki minħabba l-kuntatti li hu għandu internazzjonalment.

Madankollu ċ-ċaqlieq ta’ Joseph Cuschieri mhix l-uniku waħda, u ismijiet oħrajn diġà bdew jissemmew fil-kurrituri tal-Ministeru… u li jinkludu uċuħ ġodda li sa issa għadhom qatt ma servew fid-diplomazija Maltija.

Bla dubju ta’ xejn li Evarist Bartolo hu konxju dwar kif ir-reputazzjoni ta’ Malta twaqqgħet ‘l isfel mill-Gvern Laburista li hu jifforma parti minnu, u dak li l-inqas li jrid hu li f’dan ix-xenarju tal-mistħija jkollu aktar ambaxxaturi u diplomatiċi li jkomplu jagħmlu ħsara lil isem pajjiżna.

Sadattant fil-Korp Diplomatiku Malti hemm stennija għaċ-ċaqlieq li se jkun qed jissokta jsir fil-jiem li ġejjin… b’persuni viċin il-Ministru jwasslu messaġġ sottili li l-Minisru mhux se jkun qed iħares lejn uċuħ u mhux bilfors se jkun qed jirrispetta ċerti ħatriet li saru minn predeċessuri tiegħu.