Lokali

“L-Avviż Legali ma jiqafx wara li tkun saret intervista fuq it-televiżjoni” – MPA

Uffiċjali tal-Pulizija qed jirċievu theddid minn diversi persuni li qed jiġu mwaqqfa għaliex ikunu qed jiksru l-Avviżi legali imposti fuq il-poplu bħala miżura kontra l-imxija tal-Covid-19.

Dan ħabbritu l-Malta Police Association (MPA) hekk kif saħqu li dan l-aġir wasal wara li l-Ħadd filgħodu l-Prim Ministru Robert Abela ħabbar li ser ikunu qed jonqsu xi restrizzjonijiet oħra.

L-MPA saħqet li “l-ksur ta’ ligi jieqaf biss la darba jinħareġ Avviż Legali ieħor li jkun qiegħed b’mod awtomatiku jelimina dak preċedenti u mhux minn wara li tkun saret xi intervista fuq TV jew inkella fuq l-midja soċjali.”

Huma saħqu li minkejja li dawn l-intervisti huma neċessarji hemm bżonn li jsiru wkoll l-appelli biex il-pubbliku jistenna l-ħruġ uffiċjali ta’ dawn l-avviżi.

Filwaqt li l-Assoċċjazzjoni saħqet li tinsab dispjaċuta b’din l-attitudni lejn il-Pulizija ankè fid-dawl li diversi dipartimenti oħra kienu strumentali sabiex jinżamm il-kontroll fuq din il-pandemija, hija kkundannat kull tip ta’ theddid, fiżiku u verbali fil-konfront tal-uffiċċjali, meta dawn jkunu biss qegħdin jaqdu d-dmirijiet tagħhom għall-gid tal-poplu stess.

Huma saħqu li jittamaw li kull min jaġixxi b’dan il-mod jiġi mressaq il-Qorti ġaladarba din terġa’ tibda tiffunzjona.

Il-Ħadd kienet ġurnata li fiha spikkaw il-messaġġi konflinġenti li ħarġu minn fomm il-Prim Ministru u li kkuntrastaw sew ma’ dak li kien qal f’intervista mal-istazzjon 103 il-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne…24 siegħa qabel!

Anke l-union tal-infermiera (MUMN) qed jappellaw għall-kawtela, u huma mħassba ferm dwar il-mossa tal-Gvern li jrid jiftaħ l-ajruport issa.