Internazzjonali

Lejn għeluq il-100 sena mit-twelid tal-Papa Ġwanni Pawlu II

Għada t-Tnejn jaħbat il-100 sena mit-twelid tal-mibki Papa Ġwanni II…Il-Papa li jibqa’ imniżżel fl-istorja bħala l-Kap li mexxa lill-Knisja Kattolika lejn it-Tielet Millennju.

Il-Papa Ġwanni Pawlu II – imwieled Karol Wojtyla, fil-Polonja – kien għamel aktar minn 100 żjara (bħala Kap tal-Knisja) lejn bnadi differenti tad-dinja u kien ukoll protagonista f’numru ta’ riformi li biddlu l-istorja tal-Ewropa matul u wara l-era tal-Gwerra Bierda.

Dan il-Papa, li miet fit-2 ta’ April tal-2005, kien iġġieled kontra t-totalitarjaniżmu komunista minbarra li bidel l-istrutturi tal-Vatikan u kompla jkabbar u jiżviluppa numru ta’ kunċetti teoloġiċi.

Illum, il-Papa Ġwanni Pawlu II hu meqjus bħala ‘fenomenu’ li l-lezzjonijiet tiegħu jridu jitqiesu bħala wirt għad-dinja u l-umanità.

Sadanittant, il-Papa Franġisku se jiċċelebra l-quddiesa ‘tal-100 anniversarju’ quddiem il-qabar tal-Papa Ġwanni Pawlu II li jinsab f’waħda mill-kappelli tal-Bażilika ta’ San Pietru f’Ruma.

Kien l-istess Ġwanni Pawlu li, fl-1992, ħatar lil Jorge Mario Bergoglio (il-Papa Franġisku) bħala Isqof, u aktar ‘il quddiem (fl-2001) bħala Kardinal.

Min-naħa tiegħu, il-Papa Emiritus Benedittu XVI ukoll qed jonora lil Ġwanni Pawlu II fil-mitt anniversarju tat-twelid tiegħu meta qed jippromwovi kawża biex il-mibki Kap tal-Kattoliċi jingħata l-isem Ġwanni Pawlu l-Kbir.

Dan l-unur rari, fil-fatt, kien ingħata biss lil żewġ Kapijiet oħra tal-Knisja — il-Papa Leo I, li għex fis-seklu ħamsa u l-Papa Gregorju tas-seklu sitta.