Lokali

Nirien jaħkmu żona fl-Aħrax tal-Mellieħa – miżmuma 3 persuni

Fis-sigħat bikrin ta’ dalgħodu membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili ġew msejħa fiż-żona tal-Aħrax tal-Mellieħa wara li nirien qawwija tkebbsu u ħakmu parti minnha. Filwaqt li tul il-jum din iż-żona tal-Mellieħa ngħalqet għall-pubblika minħabba s-sigurtà, fortunatament n-nirien ġew ikkontrollati grazzi għall-ħidma sfieqa tal-pumpiera.

Kelliema għall-Pulizija spjegaw li fuq il-post sabu tlett kampijiet u fossa tan-nar li kienet għadha qed taqbad u li possibilment kien is-sors minn fejn tkebbes in-nar oriġinarjament. Wara investigazzjoni l-uffiċjali rnexxielhom isibu mowbajl u sussegwentament sid il-mowbajl instab. Dan kien Furjaniż ta’ 33 sena fejn irriżulta li kien flimkien ma żagħżugħa ta’ 29 sena minn Raħal Ġdid u raġel ta’ 29 sena minn Ħal Safi, ilkoll kienu qed jikkampjaw mingħajr permess.

Mill-istħarriġ li wettqu l-Pulizija rriżulta li n-nar beda b’mod aċċidentali madanakollu allegatament l-persuni suspettati  telqu minn fuq il-post wara li n-nirien inferxu f’ħakka t’għajn kawża tar-riħ qawwi li kien qed jaħkem iż-żona.  

Il-Pulizija se tieħu l-passi kontra t-tliet persuni fil-Qorti. L-investigazzjonijiet dwar dan il-każ għadhom għaddejjin u qed jitmexxew mill-Pulizija tad-Distrett tal-Qawra.

Filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin, f’Ġunju tal-2019 nirien qawwija fl-istess lokalità, din id-darba fiż-żona tal-Miżieb, kienu wettqu ħsara enormi għall-ekosistema tal-post fejn qerdu żona 6 darbiet akbar mill-Fosos tal-Furjana.

Filwaqt li rringrazzja kemm lill-Pulizija kif ukoll lill-Membri tal-Protezzjoni Ċivili u dawk il-voluntiera li taw l-għajnuna tagħhom, il-Minority Leader fil-Kunsill Lokali tal-Mellieħa Ivan Castillo, sostna li hemm bżonn tittieħed azzjoni immedjatament.

Huwa għal darb’oħra sostna li hemm bżonn ta’ infurzar dedikat apposta għal din l-akwata kif ukoll għall-inħawi tal-Miżieb u ċ-Ċirkewwa.

https://www.facebook.com/ivan.castillo.5205622/posts/3190934240958050

F’post separata, il-Kunsillier fil-Kunsill Lokali tal-Mellieħa, Gabriel Micallef saħaq li “smajna u rajna ħafna dikjarazzjonijiet rigward l-imsaġar tal-Mellieħa. Maż-żmien rajna diversi atti ta’ vandaliżmi, aċċidenti ambjentali, skart mormi bl-addoċċ u kwistjonijet li aktar kemm jgħaddi żmien qed iħallu impatt negattiv fuq l-imsaġar tagħna.” Fost oħrajna Micallef staqsa “Kemm se ndumu nappellaw?”