Lokali

OPINJONI: L-Avukat tax-Xitan

Artiklu mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia

L-aħbar li l-Prim Ministru Robert Abela ħatar lil Joseph Muscat bħala l-konsulent ekonomiku tiegħu hija tassew xokkanti.

Erba’ xhur ilu Joseph Muscat kellu jirriżenja minn Prim Ministru. Ir-raġunijiet li waslu għar-riżenja ta’ Muscat ma setgħux kienu aktar gravi milli kienu. L-Uffiċċju tiegħu, l-ogħla Uffiċċju Eżekuttiv f’Malta, sar il-post tan-negozju għal persuni involuti f’omiċidji u korruzzjoni.

Joseph Muscat ma jistax jisħaq li huwa innoċenti għal dawn ir-reati daqskemm aħna ma nistgħux ngħidu li huwa ħati. Dan għaliex l-istituzzjonijiet li għandhom ir-responsabbiltà li jinvestigaw dawn il-każijiet u jiddeċiedu d-destin tiegħu u d-destin ta’ dawk l-iktar qrib tiegħu, fallew li jaġixxu. Fallew milli jaġixxu għaliex, taħt it-tmexxija ta’ Muscat, il-Korp tal-Pulizija, l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u istituzzjonijiet oħrajn indipendenti, inkluż il-Parlament, iddgħajfu bi ħsieb.

Aħna nibqgħu ngħixu bit-tama li xi darba Joseph Muscat, Keith Schembri u Konrad Mizzi jittellgħu l-Qorti u finalment jipprovdu tweġibiet għall-mistoqsijiet li għandna dwar il-ftehim tal-Electrogas, dwar il-ftehim mal-Vitals u dwar l-involviment tagħhom fi ftehim suspettużi oħra li saru minn numru ta’ entitajiet tal-Gvern ta’ dak iż-żmien, bħall-għotja ta’ €4.5 miljun mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu lill-kumpanija privata bl-isem VistaJet. Għandhom iwieġbu wkoll dwar iż-żjarat tagħhom fl-Ażerbajġan, iċ-Ċina, Dubaj u l-Montenegro.

Fuq kollox, għandhom iwieġbu mistoqsijiet dwar il-possibbiltà li persuni li kienu jħufu fil-kurituri tal-poter seta’ kellhom fl-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia. Tajjeb niftakru li l-allegat mandant tal-qtil tagħha kien ippoża għal ritratt fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru.

Ftit ġranet biss wara l-ħatra tiegħu, Robert Abela, iffaċċjat minn pressjoni pubblika, kellu jreġġa’ lura d-deċiżjoni tiegħu li jaħtar lil Konrad Mizzi bħala rappreżentant ta’ Malta fl-OSCE u kellu wkoll itemm il-kuntratt li ngħata Konrad Mizzi bħala konsulent għall-Awtorità Maltija għat-Turiżmu.

Robert Abela jeħtieġ jifhem illi li jaħdem ma’ Joseph Muscat hu ħażin daqskemm hu ħażin li jaħdem ma’ Konrad Mizzi. Muscat, Mizzi u Schembri ma kinux qed jaħdmu indipendentement minn xulxin. Huma kienu t-tim fil-qalba tat-tmexxija ta’ gvern korrott.

Waqt it-tellieqa għat-tmexxija bejn Robert Abela u Chris Fearne, Robert Abela ħareġ kontra dak li hu kien iddeskriva bħala patt imxajtan. Abela sfida dak il-patt, li kellu l-appoġġ tal-ministri kollha tal-Gvern, l-istess ministri li ftit jiem għamlu pressjoni fuq Joseph Muscat biex jirriżenja.

Issa huwa ċar kristall għal kull mingħandu moħħ biex jaħseb li Robert Abela għamel patt tiegħu ma’ Joseph Muscat, patt intiż li jnaddaf lil Joseph Muscat u jippreżentah lill-pubbliku bħala l-wiċċ li għandu jgħinna negħlbu r-riċessjoni ekonomika kawżata mill-COVID-19. Patt li jara lil Konrad Mizzi jgħix fir-Renju Unit bl-iskuża li ‘ma jistax jivvjaġġa’ fuq ordni tat-tabib. Patt li jara lil Keith Schembri jigri mas-saqajn bil-libertà li jsiefer kemm irid. Dan jidher li hu l-patt reali max-xitan. Dan hu l-ftehim li għandu jħassibna u li għandna noqogħdu b’għajnejna miftuħin beraħ għalih.

Robert Abela kellu jara li jaqta’ kull rabta ma’ Joseph Muscat u l-bella kumpanija. Kellu jneħħihom mill-grupp Parlamentari Laburista. Membri Parlamentari oħrajn irriżenjaw għal raġunijiet ħafna inqas gravi. Minflok urieh il-bieb ta’ barra, Robert Abela lil Joseph Muscat fetaħlu l-bieb biex jirritorna fil-Berġa ta’ Kastilja. Il-Labour mhuwiex tajjeb biss fil-ħasil tal-flus. Ma jaħsibhiex darbtejn lanqas biex jaħsel il-politikanti. Dan in-negozju tal-laundry żgur li m’għalaqx il-bibien, lanqas fiż-żmien il-COVID-19!

Din l-assurdità tfakkarni f’dak li seħħ fir-Russja bil-President Putin jimxi minn kariga għal oħra, mingħajr ma jitlef il-kontroll tal-poter. Nissuspetta li hu proprju dan li qed iseħħ f’Malta. Dan jispjega għala ċerti investigazzjonijiet qegħdin dejjem jitwarrbu fil-ġenb.

Quddiem din is-sitwazzjoni, jien nistaqsi x’inhuma jgħidu l-ministri tal-Gvern li talbu r-riżenja ta’ Muscat? X’inhu jgħid Evarist Bartolo, li jidher li jkollu spiss problemi ta’ kuxjenza? Id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne jħossu komdu jara lil Joseph Muscat tiela’ t-taraġ tal-Berġa ta’ Kastilja? Xi jgħid dwar dan il-Ministru Edward Scicluna? U bilħaqq, għaliex dan il-professur tal-ekonomija ma kienx mistieden għal-laqgħa ta’ esperti tal-ekonomija?

Pajjiżna ma jistax jibqa’ jegħreq fit-tajn kaġunat apposta waqt l-amministrazzjonijiet ta’ Muscat. It-tajn kellu l-intenzjoni li jaħbi aġir illeċitu tal-Istat. Robert Abela naqas li jieħu passi kontra dawk li ħawdu kemm felħu u llum qed iħawwad hu wkoll. Istituzzjonijiet internazzjonali, inkluż Moneyval, qegħdin għajnejhom fuqna, josservawna u jevalwawna. Se jaraw aħniex nagħmlu dak kollu li nistgħu biex innaddfu l-ħmieġ tal-azzjonijiet tagħna. Huma diġà lmentaw li każijiet serji, li jinvolvu nies prominenti fil-qalba tal-Gvern, ma kinux investigati.

Se jindunaw li l-investigazzjonijiet staġnaw u li l-persuni fiċ-ċentru ta’ dawk l-investigazzjonijiet qegħdin liberi jiġġerrew barra u offruti rwoli ta’ konsulenza. Li jġegħluk titħasseb dwar min qed jimpjega lil min.

X’nistgħu nistennew aktar? Min suppost kellu jissejjaħ fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija minflok mar fl-uffiċċju li kien jokkupa qabel biex jibqa’ jżomm ir-riedni f’idejh. Jilqgħu hemmhekk, sab lill-Avukat tax-Xitan.

Plus ça change, plus c’est la même chose. (Aktar ma tibdel, aktar tibqa’ l-istess!)