Coronavirus Lokali

Prim Ministru li jrid igawdi s-sajf u jimpika mal-Ministru u s-Supretendent tas-Saħħa – PN

“Robert Abela llum wera biċ-ċar li d-deċiżjonijiet jeħodhom biex jimpika mal-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne u mas-Supretendent tas-Saħħa Charmaine Gauci”. Dan intqal fi stqarrija maħruġa mill-Partit Nazzjonalista fejn ingħad li għax irid igawdi s-sajf u joħroġ bid-dgħajsa, Robert Abela qed jiddeċiedi f’pika u għal dawn id-deċiżjonijiet se jkun il-poplu li jbati l-konsegwenzi, meta Robert Abela naqas milli jagħti s-serħan tal-moħħ u l-komfort li għandna l-ventilators u s-sodod meħtieġa għal kif u meta tolqotna t-tieni mewġa tal-virus.

Il-Partit Nazzjonalista spjega li l-pika bejn Robert Abela u Chris Fearne, li kkontestah għall-kariga ta’ Kap tal-Partit Laburista, tant waqgħet f’livell baxx li llum Robert Abela qal li l-Ministru għas-Saħħa flimkien mas-Supretendent tas-Saħħa jridu jbeżżgħu lin-nies. Din hija rresponsabbiltà kbira min-naħa ta’ Robert Abela li kull ma jmur qiegħed juri kemm huwa Prim Ministru immatur, mhux ippreparat u lanqas kredibbli.