Lokali

Sejba droga wara li passiġġier ma kienx liebes iċ-ċinturin tas-sigurtà

Żagħżugħ minn Birkirkara ġie arrestat wara sejba droga f’ċirkostanzi mhux tas-soltu. Il-każ seħħ is-Sibt filgħaxija meta waqt li l-Pulizija mid-Distrett tal-Belt Valletta kienu qed jagħmlu ronda fi Triq Nofs in-Nhar, intlemħet vettura fejn il-ġuvni, li kien passiġġier fiha, ma kienx liebes ċinturin tas-sigurtà.

Kelliema għall-Pulizija spjegaw li malli l-uffiċjali waqfu l-karozza u kienu qed ikellmu ż-żagħżugħ ta’ 19-il sena, qam suspett u wara tfittxija li saret fuq il-Karkariż u fuq ix-xufier instab li fil-pussess tiegħu l-passiġġier kellu sustanza suspettata droga kannabis. Sussegwentament it-tfittxija kompliet fir-residenza fejn jgħix u hemmhekk il-Pulizija sabet oġġetti oħra relatati mal-użu tad-droga.

Il-ġuvni ġie arrestat u qiegħed jinżamm mill-Pulizija għal aktar staħrriġ. L-investigazzjonijiet fuq dan il-każ għadhom għaddejjin.