Coronavirus Internazzjonali

Żviluppi tal-imxija tal-Covid-19 madwar id-dinja

Fl-aħħar ġranet, l-imxija tal-Covid-19 fl-Amerika t’Isfel tkompli tmur għall-agħar hekk kif il-Brazil fi ftit ġranet issa sar ir-raba’ l-agħar pajjiż milqut mill-virus fid-dinja. Dan fost pajjiżi oħra bħall-Peru’ u ċ-Chile fejn il-virus qed jinxtered bla kontroll.

Fir-Russja l-awtoritajiet qed jikkumbattu l-virus fi ħdax il-żona tal-ħin differenti hekk kif issa huwa magħruf li l-virus wasal anke f’villaġġi u bliet iżjed rurali madwar ir-Russja. Infatti, ir-Russja huwa l-pajjiż bit-tieni l-ogħla numru ta’ każijiet infettati fid-dinja. U dan fost rapporti li l-awtoritajiet Russi mhux qed jirraportaw in-numri kollha ta’ mwiet. Dan minħabba l-fatt illi minkejja li kważi għandhom 300,000 każ pożittiv, għandhom inqas minn 3,000 każ irrapurtat mejjet.

Fiċ-Ċina reġa’ kien hemm tixrid tal-virus f’Belt fil-Grigal tal-pajjiż b’eluf ġew mitfugħin fi kwarantina b’reazzjoni mill-awtoritajiet. Dan fost tixrid taħt kontroll madwar bliet oħra fil-pajjiż. Iżda tibqa’ l-biża li jkun hemm ‘wave’ oħra ta’ każijiet.

Fl-Italja, il-Prim Ministru Giuseppe Conte ammetta illi l-miżuri ta’ rilaxxament tar-restrizzjonijiet huma ‘riskju, iżda riskju kkalkulat’.

Wara stħarriġ li sar fil-Korea t’Isfel irriżulta li kien hemm cluster wieħed ta’ ‘il fuq minn 150 persuna li rriżultaw pożittivi għall-virus, u li t-tixrid sar f’nightclub fil-belt kapitali Seoul.

Jispikkaw il-miżuri uniċi fejn fi Franza għall-ewwel darba fl-istorja tal-pajjiż u aktarx l-ewwel darba fl-istorja tal-Ewropa, saret quddiesa ‘drive-in’, fejn in-nies setgħu jmorru għal quddies u jisimgħuha minn ġol-karozzi tagħhom. Il-quddiesa kienet iċċelebrata mill-Arċisqof ta’ Chalons-en-Champagne.

Dan hekk kif il-każijiet ta’ Covid-19 issa kważi laħqu il-5 miljun każ, b’4.6 miljun każ ġew ikkonfermati pożittivi, bit-total ta’ dawk li mietu minħabba l-imxija tal-virus qerriedi issa jilħaq 311,000 każ fatali.

Intant, fi stqarrija ċara li saret is-Sibt mill-Prim Ministru Spanjol, Pedro Sanchez insista li l-pajjiż għandu jestendi b’xahar l-istat ta’ emerġenza minħabba l-Coronavirus….sal-24 ta’ Ġunju.