18 TA’ MEJJU 2000
Sliema Wanderers rebħu l-FA Trophy għat-18-il darba u laħqu lil Floriana bħala l-aktar timijiet li rebħu l-kompetizzjoni. It-trofew irritorna f’Tas-Sliema għall-ewwel darba wara għaxar snin meta inċidentalment kienu għelbu wkoll lil Birkirkara fil-finali. Is-Slimiżi fetħu l-iskor wara 11-il minuta meta Carmel Busuttil qassam lejn MARK ANTHONY BONNICI li kien żmarkat u minn qagħda angolata xeħet fir-rokna ta’ Robert Savic.
Wara li Busuttil laqat il-lasta, Sliema rduppjaw fis-36 minuta. MICHAEL MIFSUD skorja l-ewwel gowl tiegħu wara li rċieva fit-tul mingħand Zoran Antic. Dan il-gowl wassal għal inċidenti fuq in-naħa tal-partitarji Karkariżi. L-intervent tal-Pulizija biex jikkalmaw is-sitwazzjoni daret f’inċidenti kontrihom b’diversi seats tal-plastik jispiċċaw maqlugħa minn posthom. Waqt dawn l-inċidenti, Sliema saħansitra żiedu gowl ieħor meta reġa’ kien MICHAEL MIFSUD li kkonkluda fix-xibka wara azzjoni bejn Busuttil, Uwa Ogbodo u Bonnici.
Fit-tieni taqsima kienet mistennija reazzjoni minn Birkirkara iżda kien biss meta ġie nkluż Hubert Suda li ċċaqalqu ftit. Suda saħansitra kellu gowl imħassar minħabba pożizzjoni ta’ offside ta’ Michael Galea. Fl-74 minuta, Birkirkara naqqsu d-distakk meta xutt ta’ Drasko Braunovic laqat il-lasta u mir-rebound f’tentattiv li jbiegħed il-periklu, Massimo Grima spiċċa għeleb lill-gowlkiper tiegħu stess. Iżda minuta wara Sliema għamlu l-iskor 4-1 b’azzjoni tipika ta’ CARMEL BUSUTTIL.
//= $special ?>