18 TA’ MEJJU 1994
Milan ġabu fix-xejn lil Barcelona meta fil-finali li ntlagħbet fl-Istadium Olimpiku ta’ Ateni, iddominaw u rebħu l-finali 4-0. Din kienet il-ħames darba li Milan saru Champions tal-Ewropa u bis-suċċess ta’ Inter fit-Tazza UEFA, il-belt ta’ Milan saret l-ewwel belt fl-Ewropa li rebħet iż-żewġ titli Ewropej fi staġun wieħed.
L-iskor infetaħ wara 22 minuta meta minn azzjoni fuq il-lemin ta’ Dejan Savicevic, il-ballun spiċċa għand DANIELE MASSARO li xeħet f’xibka vojta. Milan irduppjaw fil-ħin miżjud tal-ewwel taqsima b’ħarba fuq ix-xellug ta’ Roberto Donadoni li tefa’ kross fil-baxx lejn DANIELE MASSARO li b’xutt b’saħħtu bix-xellug għeleb lil Andoni Zubizarreta.
Barcelona ma ngħatawx ċans iwettqu reazzjoni għaliex Milan skorjaw it-tielet gowl fis-47 minuta. DEJAN SAVICEVIC ħa vantaġġ minn żball ta’ Miguel Angel Nadal u minn pożizzjoni angolata qabbeż il-ballun fuq Zubizarreta. Is-60,000 spettatur preżenti raw ukoll ir-raba’ gowl fit-58 minuta b’azzjoni mill-isbaħ ta’ MARCEL DESAILLY.
Fin-nuqqas ta’ Franco Baresi li flimkien ma’ Alessandro Costacurta kienu sospiżi, id-difensur Mauro Tassotti rċieva t-trofew mingħand il-President tal-UEFA ta’ dak iż-żmien Lennart Johansson. Dan l-unur kien l-ewwel wieħed internazzjonali għal Fabio Capello.
//= $special ?>