Futbol Sport

34 SENA ILU: Rabat Ajax jirbħu l-FA Trophy għall-ewwel darba f’logħba li kellha tmiem mimlija inċidenti

(Ritratt: In-Nazzjon Tagħna)

18 TA’ MEJJU 1986

L-istaġun 1985/86 se jibqa’ mfakkar fl-istorja ta’ Rabat Ajax hekk kif għall-ewwel darba rebħu l-kampjonat u l-FA Trophy fl-istess staġun. Fil-finali għelbu lil Żurrieq 2-0 f’logħba li sfortunatament kellha tmiem diżastruż b’inċidenti kbar. Għal Żurrieq din kienet it-tielet finali konsekuttiva tal-FA Trophy. Rabat fetħu l-iskor fid-39 minuta meta Joe Galea qabad ballun f’nofs il-grawnd u kif ra d-difiża ta’ Żurrieq ħierġa għal offside, qassam lejn l-iżmarkat CARMEL BUSUTTIL li b’intelliġenza qabbeż il-ballun fuq ras il-gowlkiper Eugenio Duca, bil-ballun jidħol fix-xibka bi preċiżjoni.

Martin Scicluna ta’ Żurrieq jipprova jevita lil Carmel Busuttil milli jiskorja l-ewwel gowl ta’ Rabat Ajax

Fit-73 minuta seħħ episodju li ħalla l-effett tiegħu anki wara l-logħba. Il-gowlkiper ta’ Rabat Jeff Wood ġie mbuttat minn Gianluca De Ponti u tilef il-ballun, b’Louis Cutajar jitfa’ l-ballun fix-xibka b’daqqa ta’ ras. Iżda l-gowl tħassar. Il-plejers ta’ Żurrieq ftit ipprotestaw iżda dehret ir-rabja fuq il-partitarji Żrieraq.  Disa’ minuti mit-tmiem, ir-Rabtin għalqu l-logħba bi kross ta’ Mark Miller mil-lemin isib lil FRANK GRAHAM li kkonkluda fix-xibka.

Mat-tisfira finali tar-referee Charles Scerri, kien hemm xeni bla bżonn. Xi nies qabżu fil-pitch biex jattakkaw lill-uffiċjali u minkejja l-isforzi ta’ xi plejers, l-azzjonijiet tal-mistħija komplew. Ir-referee u l-assistent referee kienu fil-mira ta’ daqqa mingħand plejer u kienu l-interventi tal-Pulizija li għenuhom biex l-inkwiet ma kompliex jikber. Minħabba dawn l-inċidenti, il-preżentazzjoni lir-rebbieħa saret taħt it-tunnel minflok fil-grawnd jew fil-VIP.