Internazzjonali

Afganistan: Tkompli l-vjolenza minkejja ftehim politiku

Il-vjolenza fl-Afganistan qed tkompli, meta fl-aħħar sigħat il-militanti tat-Taliban wettqu attakk b’karozza bomba li kien immirat lejn il-kumpless tad-Direttorat Nazzjonali għas-Sigurtà fl-inħawi ta’ Ghazni.

F’dan l-attakk inqatlu talanqas seba’ persuni, waqt li l-awtoritajiet ikkonfermaw għexieren ta’ midruba fl-inħawi.

L-aggressjoni terroristika seħħet l-għada li l-President tal-Afganistan Ashraf Ghani u r-rivali politiku tiegħu, Abdullah Abdullah, iffirmaw ftehim ġdid għall-qsim ta’ poter f’Kabul.

Il-ftehim ikkonkluda perjodu ta’ diżgwid aħrax bejn dawn il-politiċi, fost tamiet li l-patt iħaffef it-triq lejn in-negozjati mat-Taliban li ilhom is-snin jirreżistu lill-amministrazzjoni tal-pajjiż.