Lokali Parlament

Appell għal rangers fl-imsaġar

Robert Cutajar, PN

Id-deputat Nazzjonalista Robert Cutajar appella lill-Gvern biex jattwa proposta tal-PN biex ikunu introdotti rangers li jipproteġu l-ambjent u l-imsaġar tal-pajjiż.

Din il-proposta saret waqt is-seduta parlamentari tal-lum fejn Robert Cutajar insista li r-rangers huma soluzzjoni għall-protezzjoni meħtieġa tal-imsaġar u l-widien tal-pajjiż.

Din il-proposta tal-PN saret sentejn ilu bħala parti mill-proposta għar-riforma fil-kunsilli lokali. Fost l-imsaġar imsemmija hemm ‘L-Aħrax tal-Mellieħa’, li fl-aħħar ġranet kellu partijiet minnu maħruqa.

Il-Ministru Byron Camilleri qal li jidher li dan il-ħruq tqabbad apposta minn persuni li kienu qed jikkampanjaw illegalment fil-post. Dawn in-nirien kienu kontrollati mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili.

Robert Cutajar insista wkoll fuq l-importanza tal-Pulizija tal-Komunità; proposta oħra tal-PN li għandha l-iskop li tkattar is-sigurtà fil-komunitajiet.