Futbol Sport

Celtic iddikjarati champions tal-Iskozja għad-disa’ staġun konsekuttiv u Hearts relegati

(Ritratt: EPA)

Celtic ġew iddikjarati champions tal-Iskozja għad-disa’ staġun konsekuttiv wara li l-SPFL għażlet li ttemm il-kampjonat. It-tim immexxi minn Neil Lennon kien jinsab fil-quċċata bi 80 punt minn 30 logħba, 13-il punt aktar minn Rangers b’logħba aktar. Dan hu l-51 kampjonat mirbuħ minn Celtic.

Il-kampjonat kien fadallu tmien logħbiet hekk kif wara li t-timijiet jilagħbu tlett darbiet kontra xulxin, it-timijiet jinqasmu fl-ewwel sitta u l-aħħar sitta, bit-timijiet jilagħbu darba oħra kontra xulxin għal total ta’ 38 logħba.

F’laqgħa tal-bord li saret illum mit-tmexxija tal-Kampjonat Skoċċiż, ġie deċiż ukoll li Hearts ġew relegati għaċ-Championship għat-tieni darba mill-2014. Hearts kienu jinsabu fil-qiegħ tal-klassifika bi 23 punt minn 30 logħba, erbgħa anqas minn Hamilton Academical. Is-sid tal-klabb Ann Budge kienet wissiet li tieħu azzjonijiet legali kieku l-istaġun ma tkompliex.

Ix-xahar li għadda, it-42 klabb ivvutaw wara xi kontroversja biex itemmu l-istaġun taċ-Championship, League 1 u League 2. Il-futbol Skoċċiż ilu wieqaf mit-13 ta’ Marzu kawża tal-pandemija tal-Covid-19. Għalkemm il-bord kellu s-saħħa li jtemm l-istaġun, l-istaġun fl-Iskozja għadu ma spiċċax. L-Assoċjazzjoni Skoċċiża tinsab impenjata li ttemm it-Tazza Skoċċiża li bħalissa tinsab fis-semifinali.

Tags