Internazzjonali

Covid-19…Aktar żviluppi fost il-pandemija

Iċ-ċifra globali ta’ mejtin mill-coronavirus qabżet it-315,000,  b’4.7 miljun infezzjoni jkunu konfermati madwar id-dinja.

Il-Ġappun jinsab fl-ewwel riċessjoni mill-2015 minħabba l-impatt tal-Covid-19. Ir-rapporti qalu li l-Prodott Gross Domestiku (GDP) tal-pajjiż naqas b’0.9 fil-mija fl-ewwel tliet xhur tas-sena. Il-Ġappun ma daħal qatt f’lockdown nazzjonali assolut,  iżda f’April kien iddikjara stat ta’ emerġenza li affettwa ħażin lis-setturi tan-negozju u s-servizzi.

Is-Sindku ta’ Sao Paulo, Bruno Covas, wissa li s-sistema tas-saħħa f’din il-belt – l-akbar fil-Brażil – spiċċat qrib kroll totali. Dan meta żdiedu d-domandi għas-sodod li jindirizzaw emerġenza ta’ każi tal-coronavirus. L-isptarijiet pubbliċi f’Sao Paulo jidhru li fadlilhom biss għaxra fil-mija tal-ispazju għall-pazjenti, b’Covas jakkuża lil kulmin qed jabbuża mil-lockdown bħala ‘ kompliċi f’logħba egoista fejn il-persuni vulnerabbli qegħdin iħallsu b’ħajjithom’.

L-aircraft carrier USS Roosevelt, tal-Istati Uniti, qed tħejji biex tirritorna għar-rutina navali ‘normali’. .. Dan wara li ‘il fuq minn 500 fost il-baħrin ta’ fuqu kienu testjaw pożittiv għall-coronavirus.

Il-President tal-Afrika t’Isfel, Cyril Ramaphosa, qed ikun ikkritikat talli ppoża għal ritratti ma’ żewġ stranġieri — u wara li kien wissa lin-nies biex iħarsu s-social distancing ħalli jnaqqsu l-firxa tal-Covid-19. Filmat juri lil Ramaphosa qed jiċċajta mal-istranġieri ( it-tnejn nisa) f’Johannesburg wara li talbuh jieħu ritratt magħhom. Fi tmiem il-ġimgħa, l-Afrika t’Isfel irrappurtat l-akbar numru ta’ infezzjonijiet ġodda (1,160) għal ġurnata waħda fit-territorji tagħha.