Fi Franza għaddejja investigazzjoni dwar iċ-ċirkostanzi tal-mewt ta’ żgħażugħ ta’ 18-il sena, li spiċċa involut f’inċident fatali bil-mutur.
Il-prosekuturi qegħdin jistudjaw id-dettalji tal-inċident — f’subborg barra Pariġi — fost rapporti li l-mewta, matul il-lejl tal-Ħadd u t-Tnejn, seħħet viċin ħafna ta’ karozza tal-pulizija.
Matul il-lejl li għadda nqalgħu il-konfronti bejn gruppi ta’ irġiel u pulizija. Dan wara li sar magħruf li ż-żgħażugħ kien tilef il-kontroll tal-mutur u baqa’ dieħel direttament f’arblu, bir-riżultat li miet ftit wara. It-traġedja, fil-fatt, qajjmet tensjoni kbira fiz-zona – bil-pulizija tinsisti li ma kellha l-ebda rabta mal-inċident.
Intant, diversi gruppi ta’ irġiel, wara, ħarġu fit-toroq fil-limiti tal-kapitali Franċiża fejn wettqu diversi atti ta’ vandaliżmu — fost it-tfigħ ta’ kanisters tal-gass lejn numru ta’ binjiet. Il-pulizija irreaġixxew bl-għajnuna ta’ klieb imħarrġa u żiedu r-rondi fit-toroq sakemm is-sitwazzjoni kkalmat.
//= $special ?>