Internazzjonali

Il-Covid-19 fl-Ewropa: Il-pajjiżi jnaqqsu r-restrizzjonijiet fost twissijiet dwar ‘tieni mewġa potenzjali ta’ infezzjonijiet’

L-Italja u Spanja huma fost il-pajjiżi Ewropej li qegħdin inaqqsu mir-restrizzjonijiet għall-movimenti taċ-ċittadini, wara ġimgħat ta’ miżuri riġidi dovuti għall-firxa tal-coronavirus.

Ħafna min-negozji fl-Italja, fosthom l-istabbilimenti tax-xorb u l-ħwienet tax-xagħar, qegħdin jiftħu mill-ġdid wara xahrejn ta’ lockdown fuq livell nazzjonali – bi Spanja twarrab xi restrizzjonijiet għal uħud mill-anqas gżejjer affettwati mill-kriżi.

Iżda waqt li l-miżuri qed jittieħdu wara tnaqqis fl-imwiet mill-coronavirus, spikkat ukoll twissija – b’mod partikulari fi Spanja – li ‘nuqqas ta’ attenzjoni mill-poplu’ kapaċi jwassal għal tieni mewġa ta’ infezzjonijiet bil-Covid-19.

Fil-fatt, il-Kap taċ-ċentru għall-emerġenzi tas-saħħa fi Spanja, Fernando Simon, għamilha ċara li is-sogru ta’ tieni mewġa għadu ‘kbir ħafna’ ladarba qed jiżdiedu l-movimenti tan-nies fuq barra. Dan minkejja li, fi Spanja, iċ-ċifra tal-mejtin mill-virus ( fuq bażi ta’ jum b’hum) naqas taħt il-100 għall-ewwel darba mindu l-pajjiż impona r-restrizzjonijet tal-lockdown.

Fl-Italja, qed ikunu infurzati xorta r-regoli għal social distancing fir-ristoranti, l-istabbilimenti tax-xorb u ħwienet oħra. F’dan il-pajjiż, kważi 32,000 persuna mietu bil-pandemija, bl-ekonomija nazzjonali mistennija tonqos bi kważi għaxra fil-mija din is-sena. Għaldaqstant, l-uffiċjali tas-saħħa Taljani għadhom jenfasizzaw ‘il-perikli kontinwi minn sitwazzjonijiet li jirrikjedu l-laqgħat soċjali mndaqqsin’.

Il-lockdown fl-Italja kien l-itwal minn kull pajjiż tad-dinja u ċ-ċittadini ma jistgħux jemmnu kif il-Lombardija – l-aktar reġjun sinjur u avvanzat – kellu jġarrab ċifra daqshekk qalila (‘il fuq minn 15,000 mewta) mill-coronavirus.

Sadanittant, l-awtoritajiet fi Spanja qed jibbażaw fuq sistema partikulari li tippermetti l-ftuħ tan-negozji – fost id-differenzi bejn reġjun u ieħor.

Il-parti kbira ta’ Spanja jiem ilu għaddiet għal ‘fażi 1’ fejn sa għaxar persuni jistgħu jiltaqgħu dment li jilbsu l-maskri tal-wiċċ u jirrispettaw id-distanzi soċjali. Il-bars u r-ristoranti jistgħu jiftħu fuq barra iżda jridu jaċċettaw biss in-nofs tal-klijenti ‘regolari’. Is-swali taċ-ċinema, it-teatri u l-mużewijiet ukoll mhumiex qed jaċċettaw il-massimu tal-klijenti li jifilħu jieħdu.

Il-Gżejjer Spanjoli li ma kenux affettwati ħażin mill-pandemija issa għaddew għal ‘fażi 2’ li tippermetti l-ftuħ tal-kumplessi kummerċjali u laqgħat b’massimu ta’ ħmistax. Iżda l-ibliet prinċipali Spanjoli ta’ Madrid u Barċellona se jibqgħu fil-‘fażi 0.5’, bil-parti kbira tar-restrizzjonijiet jibqgħu effettivi anki jekk xi ħwienet żgħa tħallew jiftħu b’kapaċità ta’ 30 fil-mija biss.

Fi bnadi oħra…

Fil-Belġju bdew jiftħu l-iskejjel primarji u sekondarji taħt kundizzjonijiet stretti, bil-mużewijiet u z-zoos ukoll qegħdin jiftħu l-bibien tagħhom.

Fil-Greċja, fetaħ il-famuż Acropolis, bl-istudenti jirritornaw għal-lezzjonijiet fl-iskejjel sekondarji.

Il-Portugall qed jippermetti l-ftuħ tar-ristoranti, il-kafeteriji u l-ħwienet tal-pasti – iżda l-istabbilmenti jistgħu jaċċettaw biss numru limitat ta’ klijenti.

Il-Polonja qed tiftaħ mill-ġdid il-ħwienet tax-xagħar u l-beauty salons, minbarra r-ristoranti u kafeteriji.