Lokali

Il-fażi li jmiss se tibda mit-22 ta’ Mejju

Waqt konferenza tal-aħbarijiet il-Prim Ministru Robert Abela, kompla ma dak li qal ilbieraħ waqt intervista fuq l-istazzjon Laburista fejn ta aktar dettalji dwar miżuri li se jkunu rilassati mill-Ġimgħa 22 ta’ Mejju.

Robert Abela qal li “ma jagħmilx sens nħallu t-tieqa mbexxqa.” Dan meta semma’ n-numru ta’ każi attivi f’Malta. Il-Prim Ministru saħaq li żdiedu soddod li baqgħu vojta, is-sintomi fost il-pazjenti kienu ħfief u l-maġġoranza fiequ waħedhom.

Waqt l-istess konferenza tal-aħbarijiet tkellem il-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne li ta rendikont ta’ dak li ġara madwar id-dinja u f’pajiżna kemm ilha li bdiet din l-imxija tal-COVID-19. Hu qal li issa ma rridux inneħħu restrizzjonijiet kmieni imma lanqas irridu nneħħuhom tard.

Chris Fearne saħaq li “il-virus għadu jeżisti” u rridu noqgħdu attenti mit-tieni mewġa. Dan stqarru ġurnata wara li l-Prim Ministru saħaq li l-mewġ qiegħed biss fil-baħar. Fearne saħaq li l-miżuri li tneħħew illum jistgħu jerġgħu jitpoġġew jekk is-sitwazzjoni tal-Coronavirus f’Malta ma tibqax kif inhi. Dan hu l-kontra ta’ dak li qal il-Prim Ministru fl-aħħar intervista tiegħu l-Ħadd wara nofsinhar.

Id-deputat Prim Ministru ħabbar li l-persuni flimkien permessibli f’post pubbliku issa tela’ għal sitta.

L-isport individwali non-contact se jerġa jidħol fis-seħħ u se jkompli b’mod normali. Fejn jidħol taħriġ jista jsir taħriġ li fih ikollu 6 persuni jew inqas basta jibqgħu fi gruppi żgħar.

Quddies tal-funerali tista’ terġa tibda ssir u fis-sigħat li ġejjin il-kurja se tħabbar id-dettalji anke għaliex se jkun permess li numru limitat ta’ familjari jattendu.

Ir-ristoranti se jiftħu u se jkunu jistgħu jieħdu sitt persuni fuq kull mejda waqt li tinżamm id-distanza. Ristoranti li għandhom imwejjed fuq barra huma mħeġġa jarmaw fuq barra.

Se jiftħu l-hairdressers, barbiera u beauticians pero b’numru ta’ restrizzjonijiet.

Il-Ministru tas-Saħħa ħabbar li mill-Ġimgħa 22 ta’ Mejju se jifthu diabetic clinics, clinics tal-kardjologija u l-well baby clinics. Se jiftħu numru ta’ bereġ u se tiżdied l-għajnuna saħħa mentali. F’Mater Dei se jiżdiedu servizzi tal-imaging u se jiżdiedu operazzjonijiet mhux urġenti bħal tal-ortopedija u tal-għajnejn. Se jerġa’ jinfetaħ is-servizz tal-IVF u partners ta’ mara qed twelled jista’ jidħol għal waqt il-ħlas kollu.

Minkejja li se jkunu rilassati xi miżuri, se jkun hemm diversi regoli li wieħed irid josserva. Dan tħabbar mill-Professur Charmain Gauci, Suprintendent tas-Saħħa Pubblika.

Dan hekk kif tħabbar li n-numru ta’ nies li jkunu f’kamra waħda jew f’ħanut partikolari se jkun wieħed limitat filwaqt li l-użu tal-maskra hu obbligatorju għal kullħadd. Irid ikun hemm distanza ta’ żewġ metri jew inkella jekk mhux possibli jrid ikun hemm l-użu ta’ screens tal-perpex.

Profs Gauci ħabbret li jistgħu jiġu organizzati ċertu attivitajiet bħal outdoor cinema. Se jerġgħu jiftħu outdoor pools u n-nies jistgħu jmorru fil-lukandi madwar Malta u Għawdex.

Hi saħqet li nies jistgħu jmorru fil-bajjiet imma jridu jżommu distanza ta’ 2 metri u ma jkunu aktar minn 6.

Fil-ġranet li ġejjin mistennija jitneħħew aktar restrizzjonijiet.

Fl-4 ta’ Mejju kienu rrilassati numru ta’ miżuri oħra u dan tal-lum hu t-tieni set ta’ miżuri rilassati.