Lokali Parlament

Il-gvern obbligat jinvesti fl-artiġġjant propju f’dan il-mument

Kristy Debono, PN

Id-deputat Nazzjonalista Kristy Debono appellat lill-gvern biex f’dan il-mument diffiċli jwettaq l-investiment meħtieġ fis-setturi partikolari tal-ekonomija partikolarment dak tal-artiġġjanat.

Din hi liġi li tħalli mpatt fuq settur importanti mmens li sfortunatament hawnhekk fl-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż u fit-tfassil tal-politika tal-gvern, ma tantx jingħata l-attenzjoni li tixraqlu; l-industrija tal-artiġġjanat.

Industrija li tant hi mportanti mhux biss mill-aspett ekonomiku għaliex hija l-għajxien ta’ ħafna familji li jiddependu minn dan is-settur, kemm dawk is-self employed li jaħdmu f’dan is-settur, intraprizi żgħar u medji li ħafna minnhom huma tal-familja kif ukoll l-impjegati tagħhom li l-maġġoranza tagħhom ilhom jaħdmu f’dan il-qasam għal għexieren ta’ snin.

Però dan is-settur tal-artiġġjanat għandu impatt importanti ieħor dak tal-identità ta’ pajjiżna, l-impatt fuq il-identità tagħna, l-impatt kulturali għaliex il-prodotti f’dan is-settur il-maġġoranza huma uniċi għal pajjiżna u li jirrifletti l-identità tagħna u jippromwovi lil pajjiżna fid-disinn, fl-arti tiegħu, fil-ħidma tiegħu.

Id-deputat Nazzjonalista kompliet li hu importanti li dan is-settur jibqa’ mhux biss għal qalbna u apprezzat iżda jsir il-qofol tat-tfassil tal-politika għan-negozji żgħar u medji u s-self employed.

Il-liġi se twaqqaf l-Uffiċju tar-Reġistratur għall-Artiġġjani hi waħda tajba li l-PN se jivvota favuriha. Din il-liġi se tkun qed tassorbi ħafna mill-operat u doveri tal-Kunsill Malti għall-artiġjanat però jidher li se tkun qed telimina l-parteċipazzjoni tal-artiġġjani u imprendituri li qabel kienu qed jiġu eletti u għalhekk rikonoxxuti fil-Kunsill Malti għall-Artiġġjanat.

Il-Ministru għandu jiċċara jekk hux se jibqa’ jkun hemm il-vuċi, r-rappreżentazzjoni tal-partijiet involuti anke fil-prożess tat-tfassil tal-policy peress li settur daqshekk speċjalizzat li għandu sfidi partikolari u bżonnijiet u għajnuniet speċifiċi żgur għandu bżonn il-vuċi ta’ min hu nvolut b’mod dirett f’kuntatt kontinwu u parteċipi mal-Gvern.

Qed issir riferenza għat-twaqqif ta’ Fondazzjoni għall-Artiġġjanat iżda f’dan il-każ m’hemm l-ebda referenza f’din il-liġi għall-formazzjoni u l-istruttura ta’ din il-fondazzjoni.

Dan is-settur ilu għaddej minn sfidi minnħabba n-natura tax-xogħol tiegħu, fejn dan ix-xogħol li f’ħafna drabi huwa xogħol intensiv, għaliex ħafna mix-xogħol isir bl-idejn u li jirrikjedi nies professjonali li jagħmluh. Għalhekk jirrikjedi ħafna spejjeż waqt li jiffaċċja kompetizzjoni qalila ta’ prodotti li jiġu impurtati u li għalkemm m’humiex identiċi tax-xogħol li jsir hawn Malta, isir b’mass production u allura jiġi ferm orħos. Għaldaqstant din hi sfida ta’ dawk n-negozjanti, self employed, negozji żgħar li qed jippruvaw iżommu ħaj din l-industrija minnħabba l-imħabba li għandhom għall- artiġġjanat; għal dak il-prodott Malti minnkejja l-kompetizzjoni qalila li għandhom minn prodotti impurtati.

Kristy Debono kompliet li dan is-settur ukoll mhux biss il-konsumatur Malti li japprezzah, però għandu dipendenza qawwija mit-turist ta’ kwalità li jkun irid jieħu lura prodott ta’ kwalità lura lejn pajjiżu u li tirrifletti l-identità u t-talent uniku Malti.

Hemm ħafna minn dawn l-intrapriżi li wkoll għamlu użu minn fondi Ewropej, taħriġ u li rnexxielhom jaddottaw għodod teknoloġiċi biex illum joffru mhux biss online shopping iżda ukoll jesportaw prodotti barra minn xtutna. Dan huwa l-potenzjal ta’ dan is-settur u tal-ħaddiema tiegħu li grazzi għalihom dan is-settur għadu fuq saqajh.

Konxji ukoll li dan is-settur li għandu dipendenza kbira fuq it-turist, illum għaddejn minn żminijiet tant diffiċli li jekk ma nieħdux ħsiebu sew u nagħtuh l-importanza li jixraqlu u li jeħtieġlu, inkunu qegħdin nirriskjaw bis-serjetà li naraw il-bidu tat-tmiem ta’ dan is-settur sensittiv u tant importanti.

Dan is-settur lgħadda mill-istess traġitt li għaddew negozzji oħra li għalqu l-bibien tagħhom f’dawn l-aħħar ġimgħat minnħabba s-sitwazzjoni inevitabbli tal-Coronavirus.

Bħalissa dan is-settur jeħtieġlu għajnuna immedjata biex insalvawh, bi proposti konkreti u effettivi u mhux sempliċiment emendi fil-liġi li għalkemm huma mportanti.

Dan is-settur jeħtieġlu għajnuna li hija adatta għalih minnħabba n-natura u l-importanza tiegħu kif għidt ekonomika, kulturali u soċjali għal min jiddependi minnha bħala d-dħul uniku tiegħu.

Però ukoll jinsab fl-istess ilma ukoll f’ċertu aspetti ta’ negozji oħra li bħalissa għaddejjien minn kriżi kbira minnħabba l-COVID 19, però d-dewmien tal-irkuprar m’huwiex għal kulħadd l-istess ; skont il-prodott u s-servizz li joffri. Minn dan l-aspett l-industrija tal-artiġġjanat hi waħda mill-aktar vunerabbli.

Biex nissalvagwardjaw lil dan is-settur u nassiguraw l-għajxien tiegħu issa huwa ż-żmien li l-gvern jiffoka anki permezz ta’ fondi Ewropej fuq kif jista’ jkun l-aktar ta’ għajnuna għal dan is-settur.

Dwar il-fondi Ewropej, Kristy Debono qalet li l-fondi Ewropej huma mportanti u essenzjali għat-twelid u t-tiġdid ta’ ħafna negozji u industriji li ġew megħjuna b’dawn il-fondi. L-aċċess għall-fondi jeħtieġ ħafna xogħolu burokrazija. Żgur li issa hu ż-żmien opportun li bil-fatti nissimplifikaw l-applikazzjoni u l-ogħti ta’ fondi Ewropej.

Ejja nkunu realistiċi ; hemm kumpaniji kbar, li jimpjegaw esperti li jaraw u jixtarru x’fondi jistgħu japplikaw għan-negozzju tagħhom. Però hemm ħafna negozji żgħar, self employed u tal-familji, li ħafna negozji fis-settur tal-artiġġjanat, jaqgħu f’din il-kategorija ma jistgħux iħaddmu espert għall-aċċess ta’ fondi Ewropej u r-realtà hi li l-proċess burokratiku jaqtalhom qalbhom u anke l-għarfien dwar x’hemm fondi x’wieħed jaċċessa mhuwiex faċli għal dawn in-negozzji żgħar. Nemmen li huwa mperattiv, huwa neċessarju aktar minn qatt qabel li din il-problema reali tiġi ndirizzata llum aktar minn qatt qabel, sostniet id-deputat Nazzjonalista.

Hi semmiet it-taħriġ u qalet li dan huwa l-punt tat-tluq biex dan is-settur u negozji oħra jkunu jistgħu jiġu megħjuna speċjalment issa f’dan iż-żmien fejn qed ngħixu realta ta’ ‘do or die’.

Waqt li n-negozju huwa kwiet jew ineżistenti minnħabba d-domand fqira f’bosta prodotti mhux essenzjali, issa huwa ż-żmien biex dawn in-negozji jiġu mgħejjuna permezz ta’ inċentivi, grants, għajnuna finanzjarja u fondi Ewropej biex iħarrġu lilhom infushom u lill-impjegati tagħhom.

Jitħarrġu fuq proċessi ġodda tax-xogħol tagħhom, taħriġ fuq customer care, taħriġ fuq simplifikazzjoni fi proċessi fejn japplika, taħruġ fuq użu ta’ makkinarju ġdid u kull taħriġ ieħor.

Fi żmien fejn il-kummerċ kien sejjer tajjeb, fejn id-domanda kienet b’saħħitha, fejn it-turiżmu kien sod, ħafna negozji kabbru, baqgħu għaddejjin bl-operat kuljum, għaliex il-prezz biex wieħed jieqaf, dak l-opportunity cost, biex wieħed inaqqas l-operat tiegħu biex jiffokka fuq taħriġ, modernizzar eċċ kien kbir wisq.

Id-deputat Nazzjonalista kompliet li bl-istess mod issa huwa ż-żmien li l-Gvern jagħti għajnuna tanġibbli biex dan is-settur ikun jista’ jinvesti f’makkinarju ġdid, f’riċerka u żvilupp biex il-proċessi tax-xogħol tiegħu ikun aktar effiċjenti, modernizzar, diversifikazzjoni. Dan jista’ jsir biss b’għajnuna mill-Gvern u aċċess għall-Fondi Ewropej.

Il-PN dejjem emmen li wieħed għandu jingħata l-qasba biex jistad u mhux sempliċiment il-ħuta ta’ darba. Għalhekk issa huwa ż-żmien l-aktar importanti biex verament il-Gvern jagħti l-għodod kollha meħtieġa biex dawn in-negozji tagħna li huma verament is-sinsla tal-ekonomija ta’ pajjiżna mhux biss ma jinqerdux iżda jkunu preparati biex joħorġu minn din il-kriżi b’saħħithom aktar minn qatt qabel.

Kull negozju, kull ħanut għandu l-istorja tiegħu u allura ma nistgħux la nistrieħu fuq in-numri tal-passat u lanqas inħejju strateġija fejn in-numri tal-futur b’mod kollettiv jidhru sbieħ però hemm industriji sħaħ bħall-artiġġjanat ikunu milquta. Kemm jista’ jkun irridu naraw li ma jfalliex negozju wieħed li hu wieħed għaliex dak in-negozju mhux biss għandu storja ta’ xogħol u sagrifiċċju iżda huwa l-għajxien ta’ numru ta’ ħaddiema Maltin u Għawdxin.

Punt ieħor huwa l-fatt li ħafna negozji jiffaċċjaw kompetizzjoni rampanti mill-online shopping, minn prodotti impurtati li minnħabba l-produzzjoni tal-massa u f’ħafna drabi kwalità inferjura ikunu orħos. Żgur li anke hawnhekk dan is-settur tal-artiġġjanat huwa milqut b’mod dirett.

Nappella lill-Gvern biex isegwi d-digital agenda li fassal hu stess fil-leġiżlatura li għaddiet u jagħti l-għodod meħtieġa, biex l-iżvilupp teknoloġiku li qiegħed isir b’ritmu tant mgħaġġel jkunx l-aħħar daqqa għal bosta industriji lokali li ma jistgħux jikkompetu, iżda anzi tkun sfida li tissarraf f’opportunità.

I-proġett ħolistiku li dan is-settur tal-artiġġjanat għandu bżonn flimkien mal-emendi fil-liġi jeħtieġ ferm aktar dettal u spjegazzjoni però bil-fatti dan is-settur u s-settur ġenerali tal-smes, b’mod partikolari tar-retail jeħtieġlu b’mod prattiku, b’mod tanġibbli u b’mod immedjat illum qabel għada jekk verament irridu li filwaqt li nirrispettaw d-direttivi tal-awtoritajiet tas-saħħa fit-totalità tagħhom, nassiguraw ukoll li dan is-settur tar-retail inkluż tal-artiġġjanat mhux kemm niftħulu l-bibien u nippretendu business as usual, għaliex business is not as usual iżda nagħtuhom l-għoddod neċessarji li verament jagħmlu d-differenza llum waqt li nibdew t-traġitt ta’ tisħiħ għal waqt iż-żmien tal-irkuprar ta’ wara l-COVID 19.

Hekk biss nemmen li nistgħu nserħu l-imħuħ ta’ għeluf ta’ familji Maltin u Għawdxin li jiddependu b’mod dirett minn dan is-settur, sostniet Kritsy Debono.