Lokali

Il-PN f’laqgħa mal-Kamra tan-Nutara

Il-PN ilu għal dawn l-aħħar jiem jiltaqa’ ma’ rapprezentanti minn numru ta’ setturi, u t-Tnejn kien imiss laqgħa mal-Kamra tan-Nutara, fejn ġiet diskussa fost l-oħrajn il-liġi tal-koabitazzjoni, u l-fatt illi hemm ċertezza legali għal kull parti li se tkun affetwata minn din il-liġi.

Il-laqgħa kienet mmexxija mill-Kap tal-PN Adrian Delia fejn fost l-ohrajn saħaq li f’liġi bħal din mhux biss iridu jitneħħew l-inċertezzi, iżda għandhom isiru l-emendi għar-realtajiet soċjali tal-lum.

Il-Kap tal-PN u d-deputat Nazzjonalista Claudette Buttigieg fl-aħħar jiem ħadmu qatigħ fuq il-Liġi tal-Koabitazzjoni li tressqet fil-Parlament.

Fl-aħħar jiem infatti l-Oppożizzjoni ressqet diversi emendi għal-liġi li ressaq il-Gvern, u spjegat kif din hi liġi li fil-verita’ qed tibdel totalment il-liġi li l-istess Gvern Laburista daħal tliet snin ilu.

Fost il-proposti li qed tagħmel l-Oppożizzjoni hemm dik li l-vjolenza domestika tiddaħħal f’din il-liġi biex tissalvagwardja ċirkustanzi li preżentament qed jidhru f’numru ta’ famiji.

Fost il-proposti li trattat l-Oppożizzjoni kien hemm id-diversi sitwazzjonijiet ta’ familji differenti partikolarment relazzjonijiet fejn il-koppji m’għandhomx irbit kuntrattwali.

Fil-laqgħa li kellu l-Kap tal-PN Adrian Delia mal-Kamra tan-Nutara, kien hemm ukoll is-Segretarju Ġenerali Francis Zammit Dimech, il-kelliema tal-Oppożizzjoni għall-ugwaljanza vera u sħiħa, Claudette Buttigieg u Graham Bencini, President tal-Forum Professjonisti PN.