Internazzjonali

Il-WHO twiegħed biex il-kriżi terġa’ tkun evalwata…biċ-Ċina tiddefendi r-reazzjoni tagħha

Il-Kap tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO),  Tedros Adhanom Ghebreyesus, qal li, mill-aktar fis, għandha ssir evalwazzjoni indipendenti tar-reazzjoni globali għal-coronavirus. Iċ-Ċina, intant, appoġġjat din l-evalwazzjoni waqt li l-President Ċiniż, Xi Jinping, iddefenda l-mod kif pajjiżu rreaġġixxa għall-pandemija li feġġet f’artu lejn l-aħħar tas-sena l-oħra.

Dan ħareġ minn laqgħa virtwali tal-Assemblea Dinjija tas-Saħħa — il-WHA li tfassal id-deċiżjonijiet għall-WHO — u meta fadal numru ta’ mistoqsijiet dwar ir-rwol tal-istess WHO fil-kriżi. Dan wara li l-President tal-Istati Uniti, Donald Trump, ikkritika bl-aħrax l-aġir tal-WHO waqt il-pandemija, minbarra l-azzjonijiet taċ-Ċina fl-ewwel ġimgħat meta t-theddida kienet għadha tiżviluppa.

Tedros, intant, qed jgħid li l-analiżi tas-sitwazzjoni ‘se ssir malajr kemm jista’ ikun wara l-pandemija’ – bil-WHO għandha tipprovdi rakkomandazzjonijiet biex id-dinja tħejji aħjar għall-potenzjal ta’ pandemiji ġodda.

‘Nistgħu nitgħallmu lkoll mill-kriżi tal-Covid-19, bil-pajjiżi kollha jridu jeżaminaw ir-reazzjonijiet u jitgħallmu mill-esperjenzi tagħhom’, qal Tedros, waqt li enfasizza li l-WHO ‘hi impenjata favur it-trasparenza u l-kontabbiltà’.

Il-Kap tal-WHO wissa li t-triq ‘il quddiem, fil-kriżi, hi waħda twila u diffikultuża. Dan meta t-testijiet preliminarji f’xi pajjiżi indikaw li ‘setgħu spiċċaw infettati mal-20 fil-mija tal-popli bħala massimu’.

L-Unjoni Ewropea għaddiet riżoluzzjoni li ssejjaħ għal evalwazzjoni indipendenti dwar il-komportament tal-WHO fil-kriżi, bir-riżoluzzjoni tidher li kisbet appoġġ b’konsensus fost il-194 Stati msieħba fl-Organizzazzjoni.

Iċ-Ċina, qabel, kienet opponiet is-sejħiet għal analiżi tal-oriġini u l-firxa tal-coronavirus. Iżda Xi Jinping, issa, indika li Beijing mhux se joġġezzjona għal evalwazzjoni imparzjali tar-reazzjoni għall-kriżi, fuq livell globali u ladarba l-pandemija tinġieb taħt kontroll.

Meta tkellem permezz ta’ video-link, Xi Jinping qal li s-sitwazzjoni titlob għal atteġġjament xjentifiku u professjonali f’inizjattiva mmexxija mill-WHO. Hu fisser il-pandemija bħala l-akbar emerġenza globali għas-saħħa pubblika mill-aħħar tat-Tieni Gwerra ‘il hawn, filwaqt li insista li ‘iċ-Ċina dejjem aġixxiet b’mod miftuħ u trasparenti, fejn ma naqset qatt is-sens tar-responsabbiltà’.