Coronavirus Lokali Saħħa

It-tobba diżappuntati ferm bl-aġir tal-Prim Ministru

L-Assoċjazzjoni Medika Maltija (MAM) tinsab iddiżappuntata ferm bl-aġir tal-Gvern li qed ipoġġi l-interess ekonomiku qabel is-saħħa tan-nies. Il-MAM qed tappella lill-poplu Malti sabiex jibqa’ kawt u jibqa’ jsegwi l-pariri mogħtija mill-Awtoritajiet tas-Saħħa fosthom li jżomm is-social distancing u kemm jista’ jkun jevita postijiet li jkun hemm ħafna nies. “Li nibqgħu d-dar hija l-iżjed għażla sigura għal kulħadd”.

Il-MAM qalet li f’dawn l-aħħar erbat ijiem kellna żieda sostanzjali ta’ każijiet ġodda, li ġew eżatt wara erbatax-il jum minn mindu reġgħu fetħu l-istabilimenti kummerċjali. Sfortunatmanet dan ir-rilaxx ta’ ċerti miżuri wassal sabiex in-nies serrħu rashom għall-fatt li kienu lebsin maskra u ma tawx każ ir-regola tas-social distancing. Filfatt wieħed seta’ jinnota diversi anzjani jistennew fil-kjuwiet barra l-ħwienet.

Fil-global world meter scale, Malta telgħet mal-aqwa għoxrin nazzjon, bin-numru ta’ każi ta’ kuljum jispiċċaw jirduppjaw meta mqabbla mal-Italja, Spanja u l-Ġermanja. 

Pajjizna jista’ jkun li tilef 8 ġimgħat, għaliex issa għandna n-numri li kellna xahrejn ilu. Din hija l-iktar sfortuna għaliex sal-lum Malta kellha l-inqas rata ta’ mwiet fl-Unjoni Ewropea.

Dan apparti l-fatt li każ wieħed ta’ pazjent pożittiv għall-COVID-19 f’ward waħda, wassal sabiex ikun hemm 10 healthcare workers li rriżultaw fil-pożittiv, tlett swali li spiċċaw ingħalqu temporanjament sabiex ikunu iffumigati u numru ta’ ħaddiema li spiċċaw fi kwarantina.

Iż-żieda fin-numru ta’ każijiet kellu jwassal għal iktar kawtela milli għad-deċiżjoni li jerġgħu jiftħu r-ristoranti… mossa li wasslet għal problemi kbar fil-Ġappun, Singapore u l-Korea t’Isfel.