Coronavirus Sport Waterpolo

Jekk persuni jistgħu jmorru l-baħar, għaliex l-għawwiema u l-plejers tal-waterpolo ma jistgħux jitħarrġu fil-klabbs? – ASA

(Ritratt: Matthew Tabone)

Stqarrija diretta mill-Aquatic Sports Association fid-dawl tan-nuqqas ta’ informazzjoni dwar meta l-isport jista’ jirritorna f’dawn iż-żminijiet ta’ Covid-19. Minn meta daħlu fis-seħħ il-miżuri mis-Supretendent tas-Saħħa, il-faċilitajiet sportivi ngħalqu kollha u b’hekk l-atleti kellhom ifendu għal rashom biex ikomplu t-taħriġ tagħhom.

“Jekk l-Assoċjazzjonijiet/Federazzjonijiet huma fdati li jippromwovu u jorganizzaw l-isport permezz tal-klabbs, ma għandhomx ikunu fdati biex jorganizzaw sessjonijiet ta’ taħriġ għall-atleti u jirrispettaw ir-restrizzjonijiet?” L-ASA għandha protokoll mediku approvat b’mod internazzjonali u qed jistennew il-permess mill-Awtoritajiet tas-Saħħa biex jimplimentaw il-pjan meta l-pixxini jerġgħu jinfetħu.

“Sfortunatament, għal darba oħra, bħala nazzjon sportiv, bqajna lura, billi ma nagħtux l-isport l-importanza xierqa. Il-benefiċċji tal-isport huma magħrufa imma sfortunatament qed jiġu njorati,” kompliet l-istqarrija ffirmata mill-President Joe Caruana Curran u s-Segretarja Ġenerali Rita Azzopardi.

Huma qalu li l-għawwiema u plejers tal-waterpolo huma mistennija li jkomplu fejn ħallew meta jirritorna kollox għan-normal. Issemma kif l-atleti Maltin diġà huma kkundizzjonati b’numru ta’ limitazzjonijiet fosthom iċ-ċokon tal-pajjiż, l-opportunitajiet ta’ fondi, ir-riżorsi tal-faċilitajiet eċċ u għalhekk ma għandhomx bżonn ostakli addizzjonali.

 “Jekk persuni jistgħu jmorru l-baħar, għaliex l-għawwiema u l-plejers tal-waterpolo ma jistgħux jitħarrġu fil-klabbs tagħhom? Jekk ir-ristoranti jistgħu joffru servizz ta’ ‘take-away’, għaliex ir-ristoranti fil-klabbs tal-waterpolo ma ngħatawx l-istess opportunità?, jekk il-kaċċa hu kkunsidrat bħala sport, għaliex kien l-uniku sport li tħalla jiġi pprattikat?” kompliet l-istqarrija.

Il-klabbs tal-isport akwatiku jirċievu l-maġġoranza tad-dħul tagħhom mill-istabbilimenti tal-ikel fil-faċilitajiet sportivi. Dan fl-istess waqt li huma mistennija li jħallsu lill-kowċis u uħud mill-atleti meta d-dħul tagħhom minn miżati, stabbilimenti u servizzi oħra fil-faċilitajiet tagħhom għalkemm jinsabu f’diffikultà.