Il-Kumitat Eżekuttiv tal-Malta Football Association iddeċieda li l-Kampjonat Premier u l-FA Trophy għall-istaġun 2019/20 mhux se jkomplu. L-Avviż Legali li kien impost mid-Dipartiment tas-Saħħa, li jipprojbixxi kull attività sportiva għadu fis-seħħ u jidher li din ir-raġuni kienet dik prinċipali biex ittieħdet din id-deċiżjoni.
Issa l-pass li jmiss hu li jkun magħruf x’se jiġri b’rabta mal-verdetti tal-kampjonati, jiġifieri jekk hux se jkun hemm rebbieħa, promozzjonijiet u relegazzjonijiet, hekk kif sa issa m’hemmx verdetti l-anqas tal-Ewwel, it-Tieni u t-Tielet Diviżjoni. Dawn id-deċiżjonijiet mistennija jittieħdu fil-laqgħa li jmiss tal-Kunsill tal-MFA.
Il-futbol lokali ilu sospiż mit-13 ta’ Marzu u ftit jiem wara, il-Bureau tal-MFA kien issospenda l-kompetizzjonijiet kollha tal-futbol sal-5 ta’ April. Imbagħad lejn tmiem April, ġie deċiż li l-kompetizzjonijiet kollha b’eċċezzjoni tal-Kampjonat Premier u l-FA Trophy jiġu tterminati.
Il-pożizzjoni tal-14-il klabb tal-Kampjonat Premier kienet ċara. F’vot li ttieħed waqt laqgħa tal-Premier League Standing Committee ftit ġimgħat ilu, Balzan, Gudja United, Ħamrun Spartans, Hibernians, Mosta, Santa Lucia, Senglea Athletic, Sirens, Sliema Wanderers u Tarxien Rainbows kienu favur li l-kampjonat ma jkomplix. Fuq in-naħa l-oħra Birkirkara, Gżira United u Valletta kienu favur li jkompli l-kampjonat, b’Floriana astjenew waqt il-vot li ttieħed.
Fil-klassifika tal-Kampjonat Premier b’sitt logħbiet għat-tmiem, Floriana jinsabu fil-quċċata b’41 punt, tliet punti fuq Valletta u erbgħa fuq Hibernians. Sirens jinsabu fir-raba’ post b’35 punt segwiti minn Birkirkara u Gżira United bi 33 u 32 punt rispettivament. Fin-naħa ta’ isfel tal-klassifika, Tarxien Rainbows huma matematikament relegati b’4 punti. Senglea Athletic jinsabu ta’ qabel tal-aħħar b’16-il punt, seba’ punti taħt Santa Lucia.
Dwar il-parteċipazzjoni tal-klabbs fil-kompetizzjonijiet Ewropej, issa hu evidenti li Floriana se jilagħbu fiċ-Champions League filwaqt li Valletta, Hibernians u Sirens se jilagħbu fl-Europa League. Dan hekk kif il-UEFA stqarret li l-parteċipazzjoni għall-kompetizzjonijiet tagħha fl-istaġun li ġej irid ikun fuq mertu sportiv tal-istaġun 2019/20.
L-MFA kellha ċans sal-25 ta’ Mejju biex tinforma lill-UEFA dwar il-futur tal-kampjonat. Imbagħad għandha ċans sal-20 ta’ Lulju biex l-MFA tibgħat il-lista tal-klabbs li se jipparteċipaw fil-kompetizzjonijiet tal-UEFA l-istaġun li ġej.
//= $special ?>