Coronavirus Sport

L-isport mingħajr kuntatt se jirritorna minn nhar il-Ġimgħa

L-isport individwali mingħajr kuntatt se jirritorna minn nhar il-Ġimgħa wara li l-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne ħabbar dan f’konferenza stampa llum. Fl-aħħar jiem, żdiedet il-pressjoni mill-atleti, amministraturi u assoċjazzjonijiet biex l-isport jibda jissemma mill-awtoritajiet tas-saħħa u jkollhom tal-anqas ħjiel ta’ direzzjoni.

L-Aquatic Sports Association u l-Kumitat Olimpiku Malti t-tnejn ħarġu stqarrija biex jappellaw u jingħataw direzzjoni minħabba li l-faċilitajiet sportivi ilhom magħluqa għal madwar xahrejn.

Il-Ministru tas-Saħħa kkonferma li l-isport individwali li ma għandux kuntatt se jirritorna minn nhar il-Ġimgħa. Dan filwaqt li tħabbar li l-atleti jistgħu jitħarrġu fi grupp ta’ sitt persuni jew anqas u b’restrizzjoni soċjali bejniethom.

Is-Supretendent tas-Saħħa Charmaine Gauci kkonfermat li l-pixxini fuq barra se jkunu jistgħu jinfetħu iżda b’restrizzjonijiet. Il-faċilitajiet sportivi ta’ mingħajr kuntatt li se jinfetħu, xorta se jkollhom restrizzjonijiet u linji gwida. Rigward l-isport l-ieħor ta’ kuntatt, għadu m’hemm l-ebda direzzjoni dwar meta jista’ jkompli.