Coronavirus Lokali Saħħa

“M’hawn xejn aktar essenzjali mis-saħħa tal-poplu” – MEHOA

Il-Malta Environmental Health Officers Association (MEHOA) tingħaqad ma’ assoċjazzjonijiet oħra fosthom il-MAM u l-MUMN u twassal il-messaġġ illi huwa essenzjali sabiex bħala poplu noqogħdu attenti minħabba li jekk bħalissa nnaqqsu drastikament il-miżuri sabiex tiġi kkontrollata l-pandemija, jista’ jkollna konsegwenzi serji ħafna li jistgħu jaffettwaw lill-poplu Malti u Għawdxi.

Filwaqt illi l-Assoċjazzjoni tifhem li l-ekonomija hija mportanti, wieħed japprezza li m’ hawn xejn aktar essenzjali mis-saħħa tal-poplu. L-Assoċjazzjoni qed tinnota n-nuqqas ta’ qbil f’dak li qed jintqal mill-ogħla Istituzjonijiet f’pajjiżna. Meta l-messaġġi ma jkunux uniformi, il-poplu jitħawwad u l-miżuri jibdew jiġu nterpretati kif wieħed jaqbillu u mhux kif fil-fatt huma.

Finalment, wieħed għandu jfakkar illi waqt din il-pandemija numru ta’ Environmental Health Officers, kif ukoll professjonisti fil-Qasam tas-Saħħa, flimkien mal-Pulizija u numru sostanzjali ta’ ħaddiema oħra, issagrifikaw familthom billi ħafna kellhom jitilqu minn djarhom u fittxew akkomodazzjoni alternattiva. Dan sar biex is-servizz ikun jista’ jibqa’ jinagħta, għax mhux kulħadd seta’ jibqa d-dar mal-għeżież tiegħu. Tali servizzi kienu essenzjali biex tiġi kkontrollata l-imxija tal-COVID-19.

Għaldaqstant, l-Assoċjazzjoni tfakkar illi l-pandemija hija rejaltà u m’għandniex nirrovinaw is-suċċess li ksibna flimkien s’issa.