Lokali Qorti

Miċħuda t-talba għall-ħelsien mill-arrest ta’ raġel akkużat bi traffikar tad-droga

Justin Mallia ta’ 22 sena, residenti Bormla kien miċħud il-ħelsien mill-arrest wara li wieġeb li mhux ħati ta’ akkużi ta’ pussess u traffikar ta’ droga. Hu kien arrestat il-Ħadd wara li kienu ilu ġimgħa jiġi osservat mill-pulizija.

Mallia kien akkużat bil-pussess u t-traffikar ta’ droga kannabis u kokaina, sewqan mingħajr polza ta’ assigurazzjoni.

Il-pulizija qalet li l-akkużat twaqqaf il-Ħadd li għadda minn uffiċjali mill-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga u r-Rapid Intervention Unit li kien qed isuq vettura fi Triq il-Baċir, Bormla. Huwa nstab li kien qed iġorr dak li l-pulizija ssuspettat li kienet eroina u kokaina lesta għat-traffikar. Il-pulizija sabu wkoll flus kontanti. Ir-raġel ġie arrestat u ttieħed fil-lockup tal-pulizija fil-Kwartieri Ġenerali. Dwar dan qed issir inkjesta.

L-avukati Franco Debono u Amadeo Cachia talbu l-ħelsien mill-arrest fejn qalu li l-klijent tagħhom lest li jsegwi l-kundizzjonijiet stipulati mill-qorti kif ukoll li kkoopera mal-pulizija, fost oħrajn. Il-pulizija oġġezzjonaw għal din it-talba minħabba l-gravità tal-akkużi.

Il-qorti, preseduta mill-maġistrat Marsanne Farrugia, irrifjutat il-libertà proviżorja minħabba l-gravità tar-reat u n-nuqqas ta’ affidabbiltà tal-akkużat. Il-Qorti nnotat li, sa sena ilu, l-akkużat kien taħt ordni ta’ superviżjoni u ftit xhur wara nstab ħati ta’ serq.