Coronavirus Futbol Sport

Minn għada t-timijiet tal-Premier Ingliż jistgħu jitħarrġu fi gruppi żgħar

(Ritratt: EPA)

Il-klabbs tal-Premier League fl-Ingilterra qablu b’mod unanimu li jkomplu t-taħriġ fi gruppi żgħar minn għada, hekk kif ir-ritorn għal-logħob jidher li qed ikompli joqrob. L-uffiċjali tal-kampjonat, l-esperti mediċi u rappreżentanti mill-20 klabb kellhom diskussjoni llum permezz ta’ konferenza virtwali u qablu li jirritornaw għat-taħriġ skont il-protokoll.

L-ewwel stadju jippermetti lit-timijiet li jitħarrġu filwaqt li jżommu d-distanza soċjali iżda sa issa għadu mhux permess it-taħriġ ta’ kuntatt. Il-Premier League ġie sospiż b’mod indefinit fit-3 ta’ April u l-aħħar logħba tal-kampjonat intlagħbet fid-9 ta’ Marzu.

Bi preparazzjoni għat-taħriġ fi gruppi żgħar, il-klabbs tal-Premier League ħadu serje ta’ miżuri. Iddisinnfettaw l-apparat tat-taħriġ fosthom il-blalen, il-kit tat-taħriġ intbagħat lill-plejers biex ikunu lesti għat-taħriġ u se jkun hemm spazju ta’ tliet karozzi bejn karozza u oħra fil-parkeġġ.

Miżuri oħra huma li jallokaw lill-plejers fi gruppi differenti ta’ erbgħa jew ħamsa u jitħarrġu fejn ikun indikat lilhom. Il-plejers se jaslu fiċ-ċentru ta’ taħriġ f’ħinijiet differenti apposta filwaqt li se jkun hemm lista tal-impjegati tal-klabb li jistgħu jkunu fit-training ground.