Lokali

Novartis Pharma Services tagħti donazzjoni ta’ €50,000 lill-Food Aid Project

B’sens ta’ responsabbiltà soċjali waqt il-kriżi bla preċedent tal-COVID-19, Novartis Pharma Services Inc. Malta, kumpanija farmaċewtika, għadha kemm ħabbret li tat donazzjoni ta’ €50,000 lill-Malta Trust Foundation, b’appoġġ għall-Food Aid Project.

Il-Food Aid Project ġie stabbilit mill-Malta Trust Foundation wara li din irċeviet għadd kbir ta’ talbiet minn familji żvantaġġati li huma fost dawk l-aktar milquta f’Malta mill-kriżi ekonomika tal- COVID-19. Il-Malta Trust Foundation intalbet ukoll tgħin lil xi organizzazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ b’xi provvisti tal-ikel billi r-riżorsi tagħhom naqqsu sostanzjalment fl-isforzi tagħhom biex ilaħħqu man-numru dejjem jiżdied ta’ persuni li qed jitolbu għajnuna. Permezz ta’ din l-Attività ta’ Donazzjoni, il-Fondazzjoni tirċievi donazzjonijiet monetarji jew mhux finanzjarji, u tiddistribwixxi l-ikel lill-familji li m’għandhomx dħul jew bi dħul baxx li huma fost dawk l-aktar affettwati mill-Pandemija tal-COVID-19.

“Li nappoġġjaw lill-komunità tagħna minn dejjem kien imperattiv strateġiku għal Novartis Malta,” jgħid is-Sur Frederik Halberg, Direttur Ġenerali għal Ċipru u Malta. “Din id-donazzjoni żgur li se ssostni l-viżjoni ta’ responsabbiltà soċjali tagħna, b’mod speċjali lejn dawk li huma l-aktar vulnerabbli f’dan iż-żmien diffiċli.”

“Tabilħaqq, meta individwu, koppja jew familja jsibu ruħhom fi kriżi – b’mod partikolari waħda li tqum minn sitwazzjonijiet fejn id-dħul tal-persuni naqas b’mod drastiku minħabba l-Pandemija – aħna nħossu li huwa d-dover tagħna li nipprovdu għajnuna fuq skala nazzjonali,” ikompli s-Sur Halberg.

Is-Sur Halberg jesprimi wkoll gratitudni lill-Malta Trust Foundation għall-isforzi u l-missjoni tagħhom, li l-għan tagħhom hu li jipprovdu sokkors effettiv lil tant familji fil-komunità tagħna.

Il-fondi li Novartis Pharma Services Inc. Malta użat ġejjin mir-riżorsi tal-COVID-19 Response Fund stabbilit mill-kumpanija prinċipali globali, Novartis.

Il-Malta Trust Foundation irringrazzjat lil Novartis Pharma Services Inc. Malta talli ngħaqdet ma’ għadd kbir ta’ negozji u individwi li ressqu biex ikomplu jsostnu lill-Food Aid Project, li qed jgħin aktar minn 5,000 individwu.