Futbol Sport

Stennija għad-deċiżjoni dwar jekk il-Kampjonat Premier hux se jkompli jew le

(Ritratt: Martin Agius)

L-attenzjoni tad-dilettanti tal-futbol illum tinsab fuq id-deċiżjoni li għandha tittieħed mill-Kumitat Eżekuttiv tal-Malta Football Association dwar jekk il-Kampjonat Premier u l-FA Trophy humiex se jkomplu jew le. Il-futbol lokali ilu sospiż mit-13 ta’ Marzu u ftit jiem wara, il-Bureau tal-MFA kien issospenda l-kompetizzjonijiet kollha tal-futbol sal-5 ta’ April. Imbagħad lejn tmiem April, ġie deċiż li l-kompetizzjonijiet kollha b’eċċezzjoni tal-Kampjonat Premier u l-FA Trophy jiġu tterminati.

L-MFA għandha ċans sal-25 ta’ Mejju biex tinforma lill-UEFA dwar il-futur tal-kampjonat. Imbagħad hemm ċans sal-20 ta’ Lulju biex l-MFA tibgħat il-lista tal-klabbs li se jipparteċipaw fil-kompetizzjonijiet tal-UEFA l-istaġun li ġej.

Il-pożizzjoni tal-14-il klabb tal-Kampjonat Premier hi ċara. F’vot li ttieħed waqt laqgħa tal-Premier League Standing Committee, Balzan, Gudja United, Ħamrun Spartans, Hibernians, Mosta, Santa Lucia, Senglea Athletic, Sirens, Sliema Wanderers u Tarxien Rainbows huma favur li l-kampjonat ma jkomplix. Fuq in-naħa l-oħra Birkirkara, Gżira United u Valletta huma favur li jkompli l-kampjonat, b’Floriana astjenew waqt il-vot li ttieħed.

Fil-klassifika tal-Kampjonat Premier b’sitt logħbiet għat-tmiem, Floriana jinsabu fil-quċċata b’41 punt, tliet punti fuq Valletta u erbgħa fuq Hibernians. Sirens jinsabu fir-raba’ post b’35 punt segwiti minn Birkirkara u Gżira United bi 33 u 32 punt rispettivament. Fin-naħa ta’ isfel tal-klassifika, Tarxien Rainbows huma matematikament relegati b’4 punti. Senglea Athletic jinsabu ta’ qabel tal-aħħar b’16-il punt, seba’ punti taħt Santa Lucia.

Il-ġimgħa l-oħra, il-President tal-MFA Bjorn Vassallo u s-Segretarju Ġenerali Angelo Chetcuti ltaqgħu mal-awtoritajiet tas-saħħa. Protokoll mediku ġie preżentat lilhom hekk kif hi s-Supretendent tas-Saħħa li tista’ tagħti l-permess biex it-taħriġ u l-kompetizzjoni jkomplu.

Jekk l-Eżekuttiv tal-MFA jiddeċiedi li jittermina l-istaġun, ikun hemm bżonn jiġi deċiż dwar jekk ikunx hemm rebbieħa tal-kampjonati filwaqt li jkun irid jiġi deċiż jekk hux se jkun hemm promozzjonijiet u relegazzjonijiet. Din id-deċiżjoni mistennija tittieħed mill-Kunsill tal-MFA.

Dwar il-parteċipazzjoni tal-klabbs Maltin fil-kompetizzjonijiet Ewropej, jekk il-kampjonat ma jkomplix ikunu l-ewwel erba’ timijiet fil-klassifika li jikkwalifikaw. Floriana jilagħbu fiċ-Champions League filwaqt li Valletta, Hibernians u Sirens jilagħbu fl-Europa League. Dan minħabba li l-UEFA saħqet li l-parteċipazzjoni fil-kompetizzjonijiet tagħha għall-istaġun li ġej, għandhom ikunu deċiżi fuq il-mertu sportiv.