Lokali Qorti

Tlieta jammettu l-akkużi filwaqt li tlieta jallegaw li mhux ħatja

Sitt persuni ta’ nazzjonalità Spanjola li nqabdu jixorbu f’bar Spinola Bay, il-Ġimgħa filgħaxija, fl-aħħar sigħat dehru fil-qorti akkużati li aġixxew b’mod aggressiv lejn uffiċjali tal-pulizija li qabduhom.

Il-Pulizija qalet li s-sitt persuni kienu vjolenti u rreżistew l-ordnijiet tal-pulizija waqt li l-uffiċjali ħadu d-dettalji tagħhom nhar il-Ġimgħa għall-ħabta tal-10pm.

Il-bars u ristoranti bħalissa huma pprojbiti milli jiftħu, bħala parti mir-restrizzjonijiet biex jillimitaw it-tixrid tal-COVID-19.

Blanca Fibla Ganzenmuller, ta’ 22 sena, kienet mixlija wkoll li għamlet ħsara lil propjetà ta’ terzi persuni. Hija rċeviet sentenza ta’ disa’ xhur ħabs sospiżi għal tliet snin, multa ta’ €2,500 u trid ukoll tħallas nofs il-ħsarat ikkawżati.

Luis Casas Pombo, ta’ 30 sena u Jorge Martin Gutierrez, ta’ 25 sena, ingħataw piena ta’ xahrejn ħabs, sospiżi għal sentejn u mmultati €2,500 kull wieħed.

It-tlieta li wieġbu mhux ħatja huma Maria Patricia de Las Heras, ta’ 44 sena, Christoph Jorge Valdivia Docio, ta’ 35 sena u Carla Ramirez Casco, ta’ 23 sena residenti s-Swieqi u San Ġiljan rispettivament.

It-tlieta ngħataw il-ħelsien mill-arrest, fuq garanzija ta’ €5,000 bil-kundizzjoni li jkunu id-dar kuljum qabel il-11pm u jiffirmaw fl-għassa tliet darbiet fil-ġimgħa.

Il-bars u ristoranti bħalissa huma pprojbiti milli jiftħu, bħala parti mir-restrizzjonijiet biex jillimitaw it-tixrid tal-COVID-19. Il-Pulizija qalu li sid il-bar se jkun immultat.

L-avukati Franco Debono u Amadeus Cachia dehru għall-akkużati.