Lokali

Toroq fil-Mosta “nofs leħja” jew fi “stat diżastruż”

Numru ta’ residenti Mostin ilmentaw ma’ Net News tal-mod kif inhu l-istat ta’ numru ta’ toroq fil-Mosta. Fost dawn hemm Triq il-Wej, Triq Cumbo, Triq Rafel Caruana Dingli u Triq Gużè Delia, li din tal-aħħar ingħatat kisja tarmak ħmistax ilu u tħalliet nofs leħja.

Fil-filmati li akkwista Net News naraw ukoll barrikati mitluqa f’nofs tat-triq, jew li tħallew bla piż u minħabba f’hekk l-elementi mexxewhom għal nofs ta’ triq.

Fuq il-paġna tas-Sindku Laburista Romilda Baldacchino Zarb, spikkaw l-kummenti ta’ numru ta’ Mostin frustrati għall-fatt li minkejja l-wegħdiet kontinwi tal-Kunsill Lokali u Infrastructure Malta, dawn it-toroq baqgħu kif kienu. Hemm toroq oħra li ħafna qabluhom mal-qamar, bl-ebda ħjiel jekk u meta se jsir ix-xogħol biex it-triq titranġa.

Ħafna lmentaw magħna li bin-nuqqasijiet preżenti qed jinħoloq periklu għal kull min jgħaddi bil-vettura jew anki jazzarda jimxi minn din it-triq. Uħud qalu li din in-negliġenza mhux aċċettabli, filwaqt li saqsew li jekk xi ħadd iweġġa’… min se jkun responsabbli?