Lokali Qorti

Wara li kien jisraq biex isostni l-vizzju tad-droga issa mixli bi traffikar

Żagħżugħ Bormliż magħruf sew mal-Pulizija nżamm arrestat wara li ġie mixli bi traffikar ta’ droga, dan wara li tliet snin ilu kien ammetta li seraq apparat elettroniku minn ħanut f’Tas-Sliema minħabba d-droga u kien ngħata s-sentenza ta’ seba’ xhur ħabs sospiżi għal sentejn.

Justin Mallia ta’ 22 sena ġie mixli b’pusses u traffikar ta’ kokaina, li saq bla polza tas-sigurtà wara li l-Pulizija ilha tosservah għal diversi ġimgħat. Huwa ġie mixli wkoll li sar reċediv. Huwa twaqqf mill-Pulizija mill-iskwadra tad-Drug Squad u r-Rapid Intervention Unit meta kien qed isuq karozza fi Triq il-Baċir, Bormla.

Fuqu nstabet sustanza suspetttata eroina u kokaina u flus kontanti. L-Ispettur Justine Grech qal li nstabu fil-pusses tiegħu 60 qartas ta’ droga. L-Avukati Franco Debono u Amadeo Cachia għamlu talba għal libertà proviċorja fil-konfront ta’ Mallia fejn qalu li dan lest li joqgħod għall-kull kundizzjoni mposta mill-Qorti.

Qalu wkoll li għadu preżunt innoċenti, u li kkopera mal-Pulizija, u li lest li joqgħod għall-osservazzjoni ta’ superviżjoni minn naħa ta’ uffiċjal tal-probation u ommu, li kienet preżenti għas-smigħ, kienet lesta li tagħmel garanzija f’ismu.

L-Ispettur Grech oġġezzjoni minħabba l-gravità tal-akkużi u qal li għad baqa’ xhieda ċivili biex jagħtu d-depożizzjoni tagħhom fil-każ. Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Marsanne Farrugia, ċaħdet it-talba fuq il-gravità tal-każ u li l-akkużat mhux ta’ min jafdah.