Futbol Sport

29 SENA ILU: Sampdoria jaċċertaw mir-rebħ tal-uniku kampjonat mirbuħ fl-istorja tagħhom

18 TA’ MEJJU 1991

Bħal-lum 29 sena ilu, Sampdoria aċċertaw mir-rebħ tal-ewwel kampjonat fl-istorja tagħhom b’logħba għat-tmiem. Fil-logħba tat-18 ta’ Mejju tal-1991, huma mhux biss kisbu l-punt li kellhom bżonn iżda kisbu r-rebħa, bl-avversarji tagħhom Lecce kkundannati għas-Serie B.

Sampdoria rebħu bl-iskor ta’ 3-0 u laqtu wkoll darbtejn il-lasta. TONINHO CEREZO fetaħ l-iskor wara biss żewġ minuti b’xutt preċiż minbarra l-kaxxa li spiċċa fir-rokna. Fit-13-il minuta kien MORENO MANNINI li rdoppja l-vantaġġ b’xutt sabiħ mill-ewwel u minn barra l-kaxxa, wara li l-gowlkiper ta’ Lecce kien biegħed parzjalment il-periklu. GIANLUCA VIALLI ssiġilla r-rebħa man-nofs siegħa logħob b’xutt b’saħħtu u bid-dawra mill-kaxxa.

Fl-aħħar logħba tagħhom ġimgħa wara, Sampdoria spiċċaw 3-3 barra minn darhom kontra Lazio biex temmew b’51 punt, ħames punti fuq Milan u Inter, bil-ġirien Genoa jispiċċaw fir-raba’ post b’40 punt. Dak iż-żmien għal kull rebħa kienu jingħataw żewġ punti.

Ikkummenta