Ir-regoli li ħareġ il-Gvern fl-aħħar sigħat jindikaw biċ-ċar li issa…minkejja li t-Tnejn ma ntqal xejn dwar dan…anke l-bars jistgħu jiftħu, bl-istess kundizzjonijiet tar-ristoranti.
Minn naħa tagħhom, ir-ristoranti li jridu jiftħu mill-Ġimgħa jridu jaraw li l-menus jinbidlu għal oħrajn li jintużaw darba u jintremew. Lanqas ma jistgħu jintużaw fliexken jew kontenituri għall-bżar, il-melħ, iż-żejt u l-ħall, iżda kontenituri disposable jew dawk li jinħaslu kull darba li jintużaw.
Kif mistenni ma tonqosx il-ħtieġa tad-distanza bejn mejda u oħra – primarjament żewġ metri bejn persuna u oħra.. u anke bejn mejda u oħra. Ghalkemm dwar dan ghad hemm konfuzjoni.

Servizzi ta’ buffet jew ta’ self-service mhux permessibbli.
L-istaff hu mitlub jilbes maskra jew visor il-ħin kollu, filwaqt li dawk li jpejpu mhux se jitħallew jagħmlu dan sa 10 metri bogħod miż-żona fejn ikun hemm l-imwejjed.
Fuq kollox, l-Awtoritajiet qed itennu li min joffri servizz barra, ma jistax joffri servizz fuq ġewwa … is-servizz tar-ristoranti fuq ġewwa jista’ jkun offrut biss jekk ħanut ma jistax jarma fuq barra.

Regoli stretti wkoll għall-barbiera u l-hairdressers, fosthom li jistgħu jdaħħlu biss klijent wieħed għal kull 10 metri kwadri tal-ħanut. Fiż-żona fejn jilqgħu lin-nies, għandhom jitwaħħlu perspex twal żewġ metri, filwaqt li ż-żoni fejn jaħdmu għandhom ikunu distanzjati b’mill-anqas żewġ metri.
Filwaqt li l-impjegat kif ukoll il-klijent għandu jkun liebes maskra jew visor f’kull ħin, il-klijent jista’ jneħħiha jekk it-trattament jitlob dan. Min-naħa l-oħra, hu projbit li titqaxxar jew tkun irranġata l-leħja.
Fl-istabbiliment, il-bibien u t-twieqi għandhom jinżammu miftuħa, bl-arja kundizzjonata għandha tkun issetjata għal aktar ventilazzjoni.
Regoli simili għal dawn jgħoddu wkoll għall-beauticians u nail technicians, b’xi arranġamenti relatati mad-differenza bejn ix-xogħolijiet rispettivi.
Għaċ-ċinemas u teatri miftuħa, ir-regoli jitolbu li l-udjenza għandha tkun magħmula minn persuna waħda bilqegħda għal kull erba’ metri kwadri. Fil-każ tal-karozzi, għandu jkun assigurat li dawn ikunu pparkjati kif suppost u b’passaġġ adekwat ta’ emerġenza. It-twieqi tal-vetturi għandhom jinżammu miftuħa l-ħin kollu u n-nies ma jistgħux … ħlief għat-toilets jew biex jixtru mill-magni, lebsin maskra jew visor.
