Internazzjonali

COVID-19: Ultimatum ta’ Trump lill-WHO dwar il-mod kif wieġbet għall-pandemija

Il-President tal-Istati Uniti, Donald Trump, bagħat ittra lill-Kap tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO), Tedros Adhanom Ghebreyesus, fejn insista biex l-organizzazzjoni timpenja ruħha għal ‘titjib sostanzjali’ inkella tissogra li titlef darba għal dejjem il-fondi mingħand l-Istati Uniti.

Trump jinsab urtat għal kif il-WHO irreaġiet għall-ewwel fażi tal-kriżi tal-Covid-19 u l-ittra tiegħu speċifikat deadline ta’ 30 jum biex l-organizzazzjoni ‘tirriforma’—fost theddida li l-Istati Uniti kapaċi anki ttemm l-isħubija mal-WHO. L-Istati Uniti, li hi l-akbar donatur lill-WHO, diġà sospendiet il-finanzjament lill-organizzazzjoni dinjija.

Intant, l-ittra, indirizzata lil Ghebreyesus, tikkritika lid-diversi aspetti tar-reazzjoni tal-WHO fir-rigward tal-virus ġdid, inklużi fażijiet li jmorru lura għal Diċembru.

Qabel sar magħruf il-kontenut tal-ittra, il-President Amerikan – li qed jittama li jirbaħ tieni mandat tal-Presidenza fl-elezzjoni ta’ Novembru (fl-Istati Uniti) – kien irrefera għall-WHO, li hi l-aġenzija tas-saħħa tan-Nazzjonijjiet Uniti, bħala ‘pupazz f’idejn iċ-Ċina’.

Il-Ministeru Ċiniż għall-Affarijiet Barranin wieġeb li ‘Trump qed jipprova jqarraq bil-poplu tiegħu stess filwaqt li joħloq il-kalunji dwar iċ-Ċina, bil-ħsieb li jdawwar l-attenzjoni mill-aġir inkompetenti tiegħu waqt il-kriżi.’

L-Istati Uniti għandha ‘il fuq minn 1.5 miljuni minn fost l-4.8 miljun każi konfermati tal-coronavirus madwar id-dinja – bil-vittmi tal-Covid-19 f’dan il-pajjiż jaqbżu d-90,000.

L-ultimatum ta’ Trump ingħata fi żmien ta’ pressjoni kbira għall-WHO u minkejja li Tedros Adhanom Ghebreyesus, fil-bidu tal-ġimgħa, qabel li ssir analiżi dwar kif l-organizzazzjoni tiegħu ħadet ħsieb il-pandemija. Dan waqt li Ghebreyesus insista li evalwazzjoni indipendenti għandha ssir ‘fl-aktar mument bikri li jista’ jitqies bħala opportun’.

Fl-ittra tiegħu, Donald Trump akkuża lill-WHO dwar ‘nuqqas allarmanti ta’ indipendenza’ miċ-Ċina u sostna li l-organizzazzjoni ‘kienet injorat, b’mod konsistenti, ir-rapporti dwar il-firxa tal-coronavirus f’Wuhan ( fiċ-Ċina) fil-bidu ta’ Diċembru jew aktar qabel’.

Aktar qabel, s-Segretarju tas-Saħħa Amerikan, Alex Azar, kien qal, waqt l-Assemblea Dinjija tal-WHO dwar is-Saħħa, li l-organizzazzjoni mmexxija minn Ghebreyesus naqset milli tikseb l-informazzjoni vitali u ‘ippermettiet biex il-Covid-19 isir inkontrollabbli, fost it-telf ta’ ħajja sinifikanti’.

L-ittra ta’ Trump, fl-istess ħin, allegat li l-WHO żammet lura minn dikjarazzjoni urġenti dwar il-Covid-19 ‘taħt pressjoni mill-President Ċiniż, Xi Jinping’. Min-naħa tagħha, iċ-Ċina kemm-il darba ċaħdet l-akkużi kontinwi ta’ Trump dwar ‘il-fallimenti ta’ Beijing’ fil-konfront tal-virus qattiel.