Internazzjonali

Evakwati minħabba ċiklun li qed jhedded lill-Indja u l-Bangladesh

L-awtoritajiet fl-Indja u Bangladesh qegħdin jevakwaw miljuni ta’ nies minn zoni viċin il-kosta, meta ċiklun ta’ qawwa straordinarja qed javviċina l-artijiet tagħhom mid-direzzjoni tal-Bajja ta’ Bengal.

Iċ-Ċiklun Amphan – li qed jirreferu għalih bħala ‘super-ċiklun’ – mistenni jolqot zona mal-fruntiera bejn iż-żewġ pajjiżu fis-sigħat li ġejjin. Dan meta l-Indja organizzat l-iskwadri li se jkunu inkarigati minn għajnuna ta’ emerġenza fejn ikun hemm bżonn, bi skwadi oħrajn jinżammu fuq standby.

Intant, l-epidemija tal-coronavirus qed tagħmilha aktar diffiċli għall-uffiċjali fl-Indja u l-Bangladesh biex jieħdu ħsieb l-evakwazzjoni effettiva ta’ persuni mir-reġjuni fil-mira taċ-ċiklun. Dan meta mistenni li l-elementi ta’ Amphan se jolqtu l-artijiet tal-kosta — fost il-potenzjal ta’ irwiefen b’veloċità massima ta’ 185 kilometru fis-siegħa.

Fl-istess ħin, uffiċjali f’Bangladesh qed jinkwetaw li jridu jiffaċċjaw l-aktar maltempata terribbli mindu ċiklun bl-isem ‘Sidr’ kien qatel mat-3,500 persuna, fl-2007.