Lokali

Il-każini ser jiftħu wkoll minn nhar il-Ġimgħa

Jekk ma tkunx konformi mal-linji gwida jistgħu jeħodulek il-liċenzja

Minn nhar il-Ġimgħa li ġej flimkien mar-ristoranti, il-hairdressers u l-beauticians ser ikunu qed jiftħu wkoll il-Każini. Dan tħabbar mill-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Johann Buttigieg illi saħaq li n-nies ma jistgħux joqgħodu mal-bar …iżda jridu jiġu mgħoqdija minn waiter.

Dan intqal waqt konferenza tal-ahbarijiet fejn ġew spjegati l-linji gwida li n-negozji jridu jsegwu f’din il-fażi tranżitorja.

Tindirizza l-konferenza kien hemm ukoll il-Ministru għat-Turiżmu Julia Farrugia Portelli, fejn flimkien spjegaw li dawk l-istabbilimenti li lesti jiftħu l-bibien tagħhom għall-pubbliku tlett ijiem oħra għandhom iċemplu lill-Awtorità sabiex issirilhom spezzjoni u jingħataw sticker li tixhed li huma konformi mal-linji gwida.

Jekk eventwalment dawn jinstabu li mhux konformi, il-Gvern lest johdilhom il-liċenzja li joperaw…minkejja li t-Tnejn filgħaxija l-Prim Ministru Robert Abela ta’ x’jifhem li l-awtoritajiet kienu ser jagħlqu għajnejhom f’ċertu waqtiet.

Ghad-domandi ta’ Net News il-Ministru Farrugia Portelli naqset milli tikkommetti ruħha li l-Gvern jippubblika r-Risk Assessments li saru sabiex dan il-pass seta’ jittieħed ….u farfritha fuq is-Suprintendent tas-Saħħa Pubblika Charmaine Gauci.

Intant, ġie spjegat li t-tipjip ser ikun projbit fuq barra qrib l-imwejjed tar-ristoranti. Dan irid isir biss għaxar metri bogħod minn fejn in-nies ikunu jinsabu bilqiegħda mal-mejda.

Il-Ministru għat-Turiżmu insistiet li dawk li għandhom il-faċilita tal-imwejjed barra, ma jistgħux jiftħu ġewwa.

Dan filwaqt li ġie spjegat li s-servizzi kemm tar-ristornati kif ukoll tal-każini jistgħu jibqgħu jiġ servuti biss sal-ħdax ta’ filgħaxija.