Sport

Il-Kumitat Olimpiku Malti juri d-diżappunt li baqa’ ma ġiex ikkonsultat dwar l-isport

(Ritratt: Martin Agius)

Il-Kumitat Olimpiku Malti jinsab diżappuntat li baqa’ ma ġiex ikkonsultat mill-Awtoritajiet tas-Saħħa dwar ir-ritorn tal-isport fil-perjodu tal-pandemija tal-Covid-19. Ilbieraħ għall-ewwel darba, il-Gvern ħabbar xi miżuri dwar l-isport li fihom sport mingħajr kuntatt se jirritorna nhar il-Ġimgħa b’linji gwida u restrizzjonijiet filwaqt li jista’ jsir taħriġ fil-miftuħ għal massimu ta’ sitt persuni.

Il-KOM li jirrappreżenta 47 assoċjazzjoni sportiva, kien talab lill-federazzjonijiet u assoċjazzjonijiet sportivi biex iħejju rapport u jipproponu kif l-atleti tat-tim nazzjonali setgħu jerġgħu jibdew jitħarrġu filwaqt li jirrispettaw id-direttivi mill-Awtoritajiet tas-Saħħa.

Fis-6 ta’ Mejju, il-Kumitat Olimpiku Malti talbu laqgħa mal-Awtoritajiet tas-Saħħa biex jippreżentaw dawn il-proposti, iżda ma rċevew l-ebda tweġiba. Il-KOM hu diżappuntat li għal-laqgħa li saret il-Ħamis 14 ta’ Mejju bejn l-Awtoritajiet tas-Saħħa u SportMalta, huma ma kinux mistiedna għal-laqgħa u ma nħarġet l-ebda informazzjoni.

F’isem l-atleti tat-tim nazzjonali, il-federazzjonijiet u kowċis nazzjonali, il-Kumitat Olimpiku Malti talab lill-Awtoritajiet biex joħorġu b’mod urġenti l-linji gwida speċifiċi għall-isport differenti mill-aktar fis possibbli. Il-Kumitat Olimpiku Malti hu lest li jikkollabora u joffri pariri lill-awtoritajiet lokali.