Internazzjonali

Il-Libja: Telfa ta’ bażi li tfisser daqqa ta’ ħarta kbira għal Haftar

Il-gruppi armati alleati mal-Gvern Libjan għall-Għaqda Nazzjonali ħatfu l-kontroll ta’ bażi militari ewlenija li kienet ilha żmien ikkontrollata mill-Armata tal-Lvant ta’ Khalifa Haftar. Wara t-telfa ta’ din il-fortizza, il-ġellieda ta’ Haftar kienu kostretti li jirtiraw minn bnadi ta’ Tripli matul il-lejl u fost rapporti dwar ‘redistribuzzjoni ta’ qawwiet mal-fronti tal-battalja’.

It-telfa tal-bażi tal-ajru ta’ al-Watiya, lejn in-nofsinar ta’ Tripli, qed titqies bħala daqqa ta’ ħarta kbira għall-Armata ta’ Haftar, li ilu aktar minn sena jmexxi offensiva fuq Tripli bil-għan li jwaqqa’ lill-Gvern tal-Prim Ministru Libjan, Fayez al-Sarraj, li qed igawdi l-appoġġ tan-Nazzjonijiet Uniti.

Is-sorsi tal-media favur u kontra Haftar intant qalu li t-truppi ta’ Sarraj, issa, qegħdin jikkonsolidaw posthom fit-territorju mirbuħ.

L-aħħar żviluppi ikkumplikaw il-pjani ta’ Haftar li, mindu beda l-offensiva fuq Tripli f’April tal-2019, kellu jara lill-qawwiet tiegħu jippersistu f’sitwazzjoni staġnata mingħajr ma jieħdu vantaġġ deċiżiv fil-konflitt.

Il-ġellieda ta’ Haftar, eks-Ġeneral tal-Armata Libjana antika, kemm-il darba użaw al-Watiya għall-attakki fuq il-kapitali. Intant, l-irtirar mill-bażi – wara sensiela ta’ disfatti militari oħra – x’aktarx li jwassal biex pajjiżi barranin magħrufin bħala sostenituri ta’ Haftar jirrevedu mill-ġdid il-pjan tal-Ġeneral biex iwaqqa’ lill-Gvern fi Tripli li hu jirreferi għalih bħala wieħed ‘terrorista’.

Il-qawwiet tal-Gvern Libjan għall-Għaqda Nazzjonali kienu ilhom il-ġimgħat iwettqu attakk wara l-ieħor fuq il-bażi ta’ al-Watiya. Huma, intant, ikkonċentraw fuq ir-rotot minfejn kienu qed jitwasslu provvisti lill-ġellieda ġo dik il-bażi, li kienet ilha f’idejn Haftar mill-2014.

L-aktar żvilupp importanti — u li x’aktarx li xpruna din id-disfatta għall-qawwiet ta’ Haftar — kienet il-qerda tas-sistema Pantsir ( ta’ manifattura Russa) għal difiża kontra l-attakki tal-ajru fil-bażi partikulari

It-Turkija, bi sfida tal-embargo fuq l-armi lejn il-Libja impost min-Nazzjonijiet Uniti, f’Novembru, iffirmat trattat mal-Gvern għall-Għaqda ta’ Sarraj u li permezz tiegħu ngħatat il-permess biex tidħol f’zoni tal-Mediterran li huma magħrufin għas-sorsi tal-gass. Bħala skambju, it-Turkija provdiet lil Sarraj b’ appoġġ militari li jidher li qed ikun kruċjali f’din il-fażi tal-konflitt fil-Libja.

Intant, dan it-trattat bilaterali kien ikkritikat bil-qawwi mill-Greċja bħala patt li jabbuża s-sovranità tal-Griegi minbarra l-liġi internazzjonali.