Impenn għall-Housing Impenn mal-Familji Lokali

Il-problema tal-akkomodazzjoni soċjali lura fil-kriżi ta’ qabel l-1987

Il-problema tal-akkomodazzjoni soċjali f’pajjiżna reġgħet qiegħda tirrepeti ruħha, l-istess bħal qabel l-1987.   Filwaqt li l-Gvern Laburista jrid jagħti l-idea, permezz tal-ħafna reklamar minn fuq it-taxxi tal-poplu, li meta jitilgħu fil-Gvern, ix-xemx fuq Malta titla’ mill-ġdid, huwa fatt li kien Gvern Nazzjonalista li dejjem xammar idejh u solva l-problemi li ħoloq Gvern Laburista qablu.

Ivan Bartolo, Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar Akkomodazzjoni Soċjali, il-Ġlieda Kontra l-Faqar, is-Solitudni u l-Esklużjoni Soċjali qal li l-propoganda rħisa ta’ dan il-Gvern malajr tmut, għax bħalma kien ġara fl-1987, Gvern Nazzjonalista kellu jiffaċċja u jtaffi l-problema kbira li nħolqot bejn l-1971 sal-1987, meta ingħataw djar b’ nuqqas ta’ ġustizzja u lil tal-qalba biss.  

Tenna li Gvernijiet Nazzjonalisti huma magħrufa biżżejjed li fil-qasam tad-djar, mhux biss bdew jibnu d-djar għal ħaddiema sa mill-1924, imma dawn qassmuhom li min tassew kellu bżonn.

U hekk baqgħu jagħmlu, kull darba li bnew djar għal ħaddiema f’diversi nħawi ta’ Malta u Għawdex. Il-ħidma li saret bejn l-1987 u l-2013 kienet waħda kbira.  Fl-ewwel sena ġiet imfassla l-politika ġdida biex f’dan il-qasam issir bidla radikali. Ir-riżultat ta’ din il-bidla kien il-ħidma kbira li tat il-frott.

L-għan ewlieni tal-politika Nazzjonalista fil-qasam tad-Djar kienet li kulħadd isir Sid ta’ Daru, liema politika li rnexxiet, tant li anki Gvern preżenti kontinwament jipprova jirkeb fuqha.

Bartolo qal li f’erba’ snin biss, bejn Mejju tal-1987 sa April 1991, kienu ġew reġistrati 8,370 applikazzjoni għall-akkomodazzjoni alternattiva, li minnhom 3,583 familja kienu ngħataw unit.

F’dawn l-erba’ snin kienu wkoll inħolqu tnax-il skema li minnhom ibbenefikaw 4,424 familja. In-numri, juru suċċess ta’ Gvern Nazzjonalista sena wara sena, minn Ministri u Segretarji Parlamentari differenti li sa qabel l-2013 baqgħu għaddejjin b’ritmu, b’mijiet ta’ units ġodda u mqassma kull sena.

Gvern Nazzjonalista waqqa’ għadd ta’ djar sub-standard  jew li ma kinux jissodisfaw il-ħtiġijiet ta’ dak iż-żmien u minflok tella’ djar ġodda b’servizzi sanitarji moderni u b’tagħmir meħtieġ. 

Fi żminijiet ta’ Gvern Nazzjonalista nbnew u tqassmu eluf ta’ appartamenti ġodda. Dan għal kuntrarju tal-Gvern Laburista ta’ Muscat u Abela. Il-Kelliem qal li l-Prim Ministru gideb nhar it-Tnejn meta qal li dan il-qasam reġa’ beda jieħu n-nifs wara 40 sena.

Li ma qalx il-Prim Ministru li wara seba’ snin ta’ Gvern Laburista, għadu ma beniex unit wieħed. Gvern Nazzjonalista mexa b’ġustizzja u rema l-idea li Gvern tal-Lejber reġa’ beda jħaddan cioé dik li jkun Gvern li jimxi bil-favuri ma’ dawk  li tawh il-vot biss.