Ir-riskji mediċi għoljin tal-miżuri li tħabbru lbieraħ jistgħu ikunu evitati biss permezz ta’ informazzjoni onesta u bilanċjata, dixxiplina stretta fuq id-distanzi soċjali u iġjene li tkun regolata u infurzata b’multi.
Sostniet dan l-Assoċjazzjoni Medika Maltija (MAM) li fi stqarrija saħqet biex l-iżbalji tal-“kwarantina volontarja” marbuta mal-ivjaġġjar bl-ajru fl-ewwel ġranet meta feġġew l-ewwel każi ta’ Coronavirus f’pajjiżna.
L-istqarrija tkompli li l-MAM għandha diversi riservi dwar l-istqarrijiet li saru ilbieraħ filgħaxija.
- Id-data tindika li hemm spike fil-każi u s-sitwazzjoni mhux stabbli kif intqal. 14-il każ f’Malta s-Sibt li għadda huma ekwivalenti għal 1,700 każ fl-Italja. Barraminhekk il-MAM sostniet li l-aħħar għaxart’ijiem kienu l-agħar għall-Isptar Mater Dei hekk kif 3 swali kellhom jingħalqu u 287 ħaddiema fl-Isptar qegħdin taħt kwarantina. Il-fatt li dan mhux qed jiġi rikonoxxut u li qed tingħata l-impressjoni bil-kontra, dan qed inaqqar il-fiduċja tal-pubbliku.
- Ma saret ebda konsultazzjoni mal-Assoċjazzjoni Medika dwar il-miżuri ta’ tranżizzjoni fis-servizz tas-saħħa u l-impatt fuq is-saħħa u s-sigurta’ tal-ħaddiema mediċi. Il-MAM se titlob laqgħat urġenti mal-management.
- Il-ftuħ ta’ ristoranti mhux se jkun regolat b’mod legali iżda permezz ta’ linji gwida li m’humiex obligatorji u ma jistgħux jiġu infurzati. Il-MAM sostniet li dan imur kontra kull prinċipju tas-Saħħa Pubblika fejn l-infurzar hu essenzjali biex jipproteġi lill-pubbliku.
- Il-persuni anzjani u oħrajn meqjusa vulnerabbli qed jiġu mħeġġa biex joqgħodux fi kwarantina iżda fl-istess waqt qed jingħad li l-virus għadu hemm u jridu jżommu d-distanzi s-soċjali. “Qisek qed tgħidilhom ‘morru ħudu gost iżda jekk timirdu twaħħlux fina'”, tenniet l-Assoċjazzjoni.
- U l-estensjoni ta’ gruppi minn erbgħa għal sitta u fl-istess waqt tirrakkomanda li tinżamm id-distanza soċjali hi kontradittorja u tħawwad lill-pubbliku.
Il-MAM ittemm li filwaqt li t-tneħħija ta’ ċertu miżuri jistgħu jgħinu l-ekonomija fl-immedjat, min-naħa l-oħra, hemm riskji serji għas-saħħa, speċjalment għal professjonisti f’dan il-qasam.
//= $special ?>