Lokali

Sidien ta’ ħwienet u ristoranti jinsabu konfużi

Sidien ta' stabbilimenti tal-ikel, tal-ħwejjeġ u hairdressers fost dawk inkwetati

“Diversi sidien tal-istabbilimenti jinsabu nkwetati”

Fl-aħħar sigħat, wara r-rilaxx li ħabbar ilbieraħ il-Prim Ministru Robert Abela, żdied aktar it-tħassib għal diversi negozji.

Il-media soċjali sa minn wara l-konferenza, serviet ta’ pjattaforma għal ħafna li bdew jinkwetaw li l-miżuri ta’ rilaxx, jew ma kienux maħsuba sew, jew ġew imħabbra mingħajr ma ngħataaw ċans jippreperaw l-istabbilimenti, jew ħolqu żbilanċ.

Fost dawk li esprimew t-tħassib tagħhom kien hemm Sean Gravina, li għandu stabbiliment tal-ikel.

Gravina tkellem dwar l-inkwiet ta’ diversi sidien ta’ stabbilimenti tal-ikel li għax għandhom terazzin, qed ikunu mitluba ma jużawx l-ispazju ta’ ġewwa. Hu qed jargumenta li dan se jnaqqas bil-bosta d-dħul tal-istabbilimenti, l-aktar fid-dawl tal-miżuri ristrettivi li jridu jaħdmu biha r-ristoranti minn nhar il-Ġimgħa.

Intant diversi stabbilimenti oħra kitbu fuq il-paġni tagħhom ta’ Facebook, li għażlu li jibqgħu ma jiftħux il-bibien tagħhom, minkejja r-rilaxx fil-miżuri.

Intant minuti biss wara li ntemmet il-konferenza tal-Prim Ministru, James Xuereb, sid ta’ ħanut tal-ilbies tat-tieġ, ukoll tella’ filmat fuq Facebook fejn kien irrabbjat ħafna għall-fatt li issa persuna se tkun tista tmur għand hairdresser, jew beautician, imma mhux se tkun tista tipprova libsa tat-tieġ.

Intant, apparti dawn iż-żewġ oqsma, kienu ħafna l-mistoqsijiet li rċieva dan is-sit dwar il-hairdressers. Minbarra l-fatt li dawn issa jridu jagħmlu tibdil fil-ħwienet tagħhom li jirrikkjedi ħafna xogħol u spejjez, dawn iridu jsiru fi żmien tlett ijiem. Xi ħaġa li se tkun impossibbli għal ħafna.

Minbarra dan, huma jridu jiksbu ċertifikat li juri li l-kwalità tal-ilma fil-ħanut hija tajba. Iżda, hairdressers qalulna li tkellmu mal-Water Services Corporation dwar dan u qalulhom li ċ-ċertifikat idum tal-anqas għaxart ijiem biex jinħareġ.

Ikkummenta